Il-PN jitlob għal spjega mill-gvern dwar tender għal xogħlijiet ġodda f’Mater Dei

L-Oppożizzjoni qed tqajjem id-dubji dwar tender relatat mat-tkabbir tad-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei u l-bini ta’ swali ġodda  • Il-Partit Nazzjonalista jsaqsi wkoll jekk hux veru li kien hemm offerta oħra li ma ġietx aċċettata minħabba 'problema teknika'

(Ritratt: Arkivji)
(Ritratt: Arkivji)

Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Gvern jagħti spjega dwar tender li rċeva offerta waħda—liema offerta ġiet tiswa kważi d-doppju tal-istima tal-Gvern.

Skont l-Oppożizzjoni, "il-mod kif saru l-affarijiet qed iqajjem dubji kbar", speċjalment fid-dawl ta' rapporti fil-midja li allegaw li mhux talli l-unika offerta li daħlet tiswa ħafna aktar mill-istima tal-Gvern iżda li suppost kien hemm offerta oħra li ma ġietx aċċettata minħabba problema teknika bis-sistema elettronika fejn għandhom jiddaħħlu t-tenders.

Is-sejħa għall-offerti inkwistjoni hija relatata mat-tkabbir tad-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei u l-bini ta’ swali ġodda għall-kura tas-saħħa mentali. Is-sejħa għalqet fl-4 ta' April.

Skont informazzjoni fil-midja, l-unika offerta li daħlet uffiċjalment għandha valur ta' madwar €140 miljun iżda l-Gvern stima li l-proġetti għandhom jiswew madwar €80 miljun.

"Jekk l-unika offerta li ġiet aċċettata hija d-doppju tal-istima tal-Gvern, possibbli l-Gvern ma jafx eżatt dak li qed jitlob kemm jiswa fis-suq?," qalu fi stqarrija konġunta l-Kelliema tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, Ian Vassallo, u Graham Bencini.

Id-dubji madwar it-tieni offerta

Bħala parti mit-talba tagħha, l-Oppożizzjoni qed titlob lill-Gvern biex jiċċara jekk huwiex veru li kien hemm parti interessata biex tipparteċipa fit-tender iżda ma setgħetx minħabba problemi bis-sistema.

Barra minn hekk, il-PN qed jitlob lill-Gvern biex jgħid jekk hix vera l-allegazzjoni li s-sistema baqgħet ma tranġatx minkejja li ġie kkuntattjat id-Dipartiment tal-Kuntratti biex jiċċekkja direttament mal-amministratur tas-software biex titranġa l-problema teknika.

Iżda wkoll, l-agħar allegezzjoni kienet li xi ħadd ta ordni biex il-proċess tat-tender ma jitwaqqafx minkejja dal-iżball fis-sistema.

Fil-fatt, Delia, Vassallo, u Bencini staqsew, "huwa minnu li għall-bidu kien qed jingħad li minħabba din il-problema kien se jitwaqqaf il-proċess imma mbagħad xi ħadd ordna li kollox jibqa’ kif inhu u ma jitwaqqaf xejn? U li għandha tgħodd biss l-offerta li laħqet daħlet? Min ta din l-ordni? U għaliex?"

Wara l-esperjenza kerha li għadda minnha l-pajjiż fil-każ tal-Vitals u Steward, jidher li l-Gvern ma tgħallem xejn – il-PN

Fid-dawl ta' dawn l-allegazzjonijiet, l-Oppożizzjoni qed takkuża lill-Gvern li ma tgħallem xejn mill-każ tal-bejgħ tal-isptarijiet u li qed "jerġa’ jilgħab mas-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin."

Fl-istess ħin, il-PN qed iwiegħed li mhux ħa jippermetti serqa oħra bħal kif ġara fil-każ tal-Vitals u Steward.

“Mhu se nħallu lil ħadd jerġa’ jilgħab bis-saħħa tal-poplu Malti. M’aħniex se nħalluhom jerġgħu jisirquna.”

More in Politika