Metsola ma teskludix li tirritorna Malta: ‘Ħa inservi fejn hemm bzonn’

Metsola tevita li tikkritika l-azzjonijiet tal-Iżrael f'Gaża • Titkellem kontra s-sistema tal-kwoti tal-ġeneru • Titkellem dwar il-bżonn ta’ tiġdid fil-partiti politiċi

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola waqt il-programm Xtra (Ritratt: Xtra)
Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola waqt il-programm Xtra (Ritratt: Xtra)

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ma eskludietx il-possibbiltà li tirritorna fix-xena politika lokali.

“Jiena dejjem nerfa' r-responsabbiltà u lesta sabiex inservi fejn ikun hemm meħtieġ li nservi,” qalet Metsola waqt li kienet qed titkellem f'intervista ma' Saviour Balzan fuq il-programm Xtra mill-uffiċċju tagħha ġo Brussel. Hi saħqet li qatt ma telqet ix-xena tal-politika lokali meta bdiet isservi fl-irwoli tagħha fil-Parlament Ewropew.

Metsola kkritikat ukoll bl-aħrax lill-Prim Ministru Robert Abela fuq il-pożizzjoni tiegħu rigward l-infiq fuq id-difiża, fejn akkużatu bl-ipokrezija. Il-President tal-Parlament Ewropew ikkundannat il-kummenti li qal Abela lill-midja fejn stqarr li Malta mhux se żżid l-infiq tagħha fuq id-difiża, meta fil-fatt dan irdoppja fi snin riċenti.

“Sakemm dan il-programm jiġi mxandar [Robert Abela] ħa jkun biddel il-viżjoni tiegħu miljun darba,” argumentat Metsola.

Stqarret li l-Prim Ministru kien l-unika persuna li vvotat sabiex jiżdied l-infiq fuq id-difiża; li kien l-unika persuna li xeħtet dubju fuq in-newtralità ta’ Malta filwaqt li pparteċipa fl-assemblea parlamentari tan-NATO; kif ukoll li bagħat uffiċjal l-Ukrajna sabiex jgħin fil-ġlieda kontra l-invażjoni tar-Russja.

Fuq ix-xena politika Maltija, Metsola qalet li l-Partit Nazzjonalista jrid jaddatta għar-realtajiet politiċi kurrenti sabiex iżid iċ-ċans tiegħu biex jiġi elett fil-gvern.

“Il-partit għandu bżonn iħaddan il-bidla,” stqarret il-mexxejja tal-Parlament tal-Unjoni Ewropea.

Metsola tkellmet ukoll fuq il-bzonn ta’ riforma totali għal kull partit politiku ta’ Malta, kif jiġu ffinanzjati, u kif taħdem il-midja.

Issottolinjat ukoll il-bżonn ta’ riforma biex membri parlamentari jibdew jaħdmu full-time. Qalet li l-Parlament Malti huwa l-aħħar wieħed fl-Ewropa li għandu membri parlamentari li jaħdmu fuq bażi part-time.

Fuq il-mekkaniżmu tal-ġeneru li ġie introdott qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, Metsola maqdret il-miżura u qalet li kienet “l-ikbar insult lejn in-nisa,” u li ċarament ma ħadmitx.

Metsola kawta fuq Trump u Netanyahu

Meta ġiet mistoqsija fuq l-iżviluppi riċenti tal-amministrazzjoni Amerikana, Metsola qagħdet lura milli tgħid xi ħaġa ħażina fuq il-President Donald Trump, fejn enfasizzat ir-relazzjoni b’saħħitha li kien hemm bejn l-Amerka u l-Unjoni Ewropea f'deċennji ta' qabel.

Fuq it-tariffi ta’ Trump, il-President tal-Parlament Ewropew qalet li hi fehmet li l-għan ta’ Trump huwa li jissalvagwardja s-suq domestiku tal-Istati Uniti. Iżda qalet ukoll li gwerra kummerċjali mhuwiex il-mod sabiex tikseb dis-salvagwardja.

“Dan ġa kien seħħ fl-2017, u ħadd ma jirbaħ permezz ta’ hekk. [It-tmexxija tiegħu] hi xi ħaga li rridu naddataw għaliha,” qalet Metsola.

Meta l-intervista qelbet fuq is-suġġett tas-sitwazzjoni preżenti f'Gaża u l-Palestina, Balzan spjega kif nies li qed jaħdmu fil-Kummissjoni Ewropea qarrew miegħu privatament kif kellhom iduru madwar is-sitwazzjoni meta jagħmlu stqarrijiet fil-pubbliku. Huwa staqsa jekk din kinitx ir-raġuni wara l-pożizzjoni apoloġetika fir-rigward tal-Iżrael u l-azzjonijiet tagħha.

Metsola ma qablitx ma' dan il-kumment, fejn qalet li din il-kritika hi fabrikazzjoni mill-midja tal-Partit Laburista.

Hi affermat mill-ġdid l-għajnuna tal-Parlament Ewropew lil Gaża. Il-President spjegat li dejjem għafset għal wafqien fil-ġlied permanenti, biex tintbagħat iktar għajnuna umanitarj, u biex jiġu rrilaxxati l-ostaġġi. Stqarret ukoll li l-fatt li l-Ħamas jikkontrollaw Gaża ma jgħinx biex il-kwistjoni tiġi riżolta.

More in Politika