Iktar minn 4,700 multa fi 12-il sena maħruġin mill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol

Bejn Jannar tal-2022 u Diċembru tal-2024, l-awtorità ħarġet 1,094 multa b’valur totali ta’ €535,850

Bejn Jannar tas-sena 2022 u Diċembru 2024 inħarġu 1,094 multa amministrattiva, b’valur totali ta’ €535,850
Bejn Jannar tas-sena 2022 u Diċembru 2024 inħarġu 1,094 multa amministrattiva, b’valur totali ta’ €535,850

Jidher illi fi 12-il sena, jiġifieri mill-2012 sal-2024, l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) ħarġet “’il fuq minn 4,700 multa amministrattiva” skont il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard. 

Din l-informazzjoni toħroġ minn mistoqsija parlamentari magħmula lill-Ministru mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ippjanar u l-Artijiet Stanley Zammit. Fil-mistoqsija, Zammit staqsa lill-Ministru biex jgħid “kemm ittellgħu persuni l-Qorti mill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà minħabba multi li ma tħallsux ... minn meta twaqqfet l-Awtorità sal-31 ta’ Diċembru 2024?”  

Attard l-ewwel wieġeb li “minkejja li l-Awtorità ġiet imwaqqfa fis-sena 2000, il-multi amministrattivi bdew jinħarġu mis-sena 2012 permezz tal-Avviż Legali 36/2012,” u b’hekk seta’ jagħti informazzjoni biss dwar dawk it-12-il sena. 

Iżda fejn jidħol in-numru ta’ multi mogħtija, il-Ministru ta biss ċifra approssimattiva minħabba raġunijiet marbutin mal-liġi tad-data u l-fatt li l-awtorità kien għad ma kellhiex is-Sistema tal-Ġestjoni tal-Informazzjoni (Management Information System, MIS). 

Barra minn hekk, meta mistoqsi dwar kemm kien hemm każijiet li ttellgħu l-Qorti minn Jannar tal-2022 u Diċembru tal-2024, u għad-dati u l-valur ta’ dawn il-multi, il-Ministru qal li dil-informazzjoni “mhijiex disponibbli” minħabba n-nuqqas tal-MIS. 

Però biex ngħidu kollox, Attard ta xi figuri iżda mhux fil-livell ta’ detall li xtaq Zammit. Skont il-Ministru, f’dawn is-sentejn l-awtorità ħarġet 1,094 multa b’valur totali ta’ €535,850. 

Fi studju riċenti li sar minn Raisa Ferranti u Luke Anthony Fiorini u li jidher fir-rivista akkademika Xjenza bl-isem ta’ “The State of Occupational Health and Safety in the Maltese Construction Industry and the Way Forward”, ħareġ li hemm 50 uffiċjal tas-saħħa u s-sigurtà jaħdmu fil-gżejjer Maltin, u li żgur mhumiex biżżejjed biex ilaħħqu ma’ kull post tax-xogħol f’Malta u Għawdex. 

Barra minn hekk ħareġ ukoll li ħafna ħaddiema barranin fis-settur tal-bini jispiċċaw lanqas jifhmu l-istruzzjonijiet li jkunu rċevew dwar saħħa u siġurtà minħabba ostakli lingwistiċi. 

Ħareġ ukoll li ħafna barranin kienu sfurzati biex jaħdmu f’sitwazzjonijiet perikolużi u ma setgħux isemmgħu leħinhom għaliex ma xtaqux jitilfu xogħolhom. 

Skont iċ-ċifri mogħtija, il-valur medju tal-multi huwa biss ta’ madwar €490. Wieħed irid jistaqsi jekk din il-figura hix waħda effikaċi biżżejjed biex jonqos in-numru ta’ aċċidenti fuq il-post tax-xogħol minħabba nuqqasijiet marbuta mas-saħħa u s-sigurtà. 

More in Politika