PPE japprova emendi tal-PN biex tiġi mħarsa newtralità ta’ Malta fid-difiża Ewropea

Intervent tal-Kap tal-PN Bernard Grech waqt is-Summit tal-Partit Popolari Ewropew fi Brussell iwassal biex fid-dikjarazzjoni konġunta finali jiġu mħarsa l-interessi ta’ Malta

Bernard Grech isf-Summit tal-PPE(Ritratt:PN)
Bernard Grech isf-Summit tal-PPE(Ritratt:PN)

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon l-approvazzjoni tal-emendi proposti mill-Kap tal-PN Bernard Grech waqt is-Summit tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) li sar fi Brussell. Dawn l-emendi jiżguraw li l-prinċipju tan-newtralità ta’ Malta jibqa’ rispettat fid-diskussjonijiet Ewropej dwar is-sigurtà u d-difiża.

Matul is-summit, il-mexxejja tal-partiti membri tal-PPE kienu mistennija japprovaw dikjarazzjoni konġunta bl-għan li tissaħħaħ is-sigurtà tal-Ewropa, filwaqt li jiġu kkunsidrati r-realtajiet differenti ta’ kull pajjiż. Bernard Grech intervjena f’isem il-PN biex jressaq ‘il quddiem emendi li jħarsu l-interessi ta’ Malta, speċjalment il-pożizzjoni newtrali tagħha. L-emendi ġew aċċettati u inklużi fid-dikjarazzjoni finali tas-Summit, li issa se titressaq quddiem il-Kunsill Ewropew.


Il-Partit Nazzjonalista jgħid li jappoġġja l-viżjoni tal-PPE għal difiża Ewropea aktar b’saħħitha, iżda jemmen li din il-kapaċità għandha tkun mibnija fuq strateġija li tirrispetta d-diversità tal-Istati Membri, inkluż l-istatus newtrali ta’ pajjiżi bħal Malta. Bernard Grech tenna li kull pass lejn aktar integrazzjoni fil-qasam tad-difiża għandu jsir b’rispett sħiħ lejn il-pożizzjoni ta’ kull Stat Membru, u li d-dritt tal-veto għandu jibqa’ jeżisti biex jiġi garantit dan.


Il-PN jafferma li Malta għandha tibqa’ jkollha rwol attiv fl-inizjattivi Ewropej għas-sigurtà, iżda dejjem b’rispett lejn in-newtralità tagħha. Bernard Grech insista wkoll fuq il-ħtieġa li l-UE tkompli tindirizza l-problemi li qed jiffaċċjaw iċ-ċittadini tagħha, bħall-kriżi tal-għoli tal-ħajja li qed tolqot lil-Maltin u Għawdxin.


Matul il-vjaġġ tiegħu fi Brussell, il-Kap tal-PN kellu laqgħat bilaterali, inkluż waħda mal-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Taljan, Antonio Tajani. Bernard Grech kien akkumpanjat mis-Segretarju Internazzjonali tal-PN, Beppe Galea.

More in Politika