Il-Kummissjoni Ewropea toħroġ il-White Paper għad-Difiża Ewropea u l-Pjan ReArm Europe/Prontezza 2030

Il-White Paper għandha l-għan li tittejjeb l-industrija tad-difiża u l-kapaċitajiet difensivi tal-Unjoni Ewropea

(Ritratt: Arkivji)
(Ritratt: Arkivji)

Illum, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli ppreżentaw White Paper għad-Difiża Ewropea – Prontezza 2030, flimkien ma’ pakkett ta’ difiża ambizzjuż biex jinkoraġġixxi aktar investiment fil-kapaċitajiet tad-difiża tal-UE.

Il-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, saħqet fuq il-ħtieġa li l-Ewropa tinvesti aktar fis-sigurtà tagħha, tissaħħaħ industrijalment, u tixtri aktar tagħmir difensiv mill-Ewropa nnifisha.

Il-White Paper tipproponi soluzzjonijiet biex jiġu indirizzati lakuni kritiċi fil-kapaċitajiet, tittejjeb l-industrija tad-difiża, u jiġu stimulati l-innovazzjoni u l-akkwisti kollaborattivi. L-għanijiet ewlenin jinkludu:

  • Żieda fl-investiment difensiv u t-tisħiħ tal-industrija Ewropea.
  • Appoġġ għall-Ukrajna permezz ta’ aktar assistenza militari u integrazzjoni mal-industrija Ewropea tad-difiża.
  • Aċċelerazzjoni tat-teknoloġiji ġodda bħall-intelliġenza artifiċjali u t-teknoloġija kwantistika.
  • Titjib fil-mobbiltà militari u s-saħħa tas-sigurtà fuq il-fruntieri, speċjalment mar-Russja u l-Belarussja.

Pjan ReArm Europe/Prontezza 2030

Dan il-pjan ħa jara aktar minn €800 biljun f’investiment difensiv, ibbażat fuq tliet pilastri ewlenin:

  1. Attivazzjoni ta’ fondi pubbliċi għad-difiża: Stati Membri jistgħu jużaw il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir biex iżidu l-infiq fuq id-difiża.
  2. SAFE (Security Action for Europe): Fond ta’ €150 biljun biex jgħin lill-Istati Membri jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom permezz ta’ self b’kundizzjonijiet favorevoli.
  3. Użu tal-Bank Ewropew tal-Investiment u kapital privat: Espansjoni tas-self għall-industrija tad-difiża u mobilizzazzjoni ta’ investimenti privati f’dan is-settur.

Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jtejbu s-sigurtà tal-UE, jappoġġaw l-Ukrajna u jsaħħu l-bażi industrijali Ewropea fit-tul.

More in Politika