Il-Gvern ma jagħtix ċifra ta’ kemm kienu implimentati proposti mill-programm elettorali tiegħu

Mistoqsi dwar proposti mill-programm elettorali f’termini ta’ persentaġġ, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi jgħid li l-Gvern, minn żmien għal żmien, jaġġorna lill-elettorat bix-xogħol imwettaq

Il-Manifest Elettorali li ġie mniedi fl-2020 mill-Partit Laburista
Il-Manifest Elettorali li ġie mniedi fl-2020 mill-Partit Laburista

Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, l-Onor. Stefan Zrinzo Azzopardi, naqas milli jagħti risposta ċara għall-mistoqsija parlamentari dwar kemm il-Gvern implimenta proposti mill-programm elettorali tiegħu f’numri u persentaġġi. Minflok ma pprovda statistika konkreta, huwa għażel li jikkritika lill-Partit Nazzjonalista.   

Iwieġeb għall-mistoqsija tal-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet tat-Tfal, Graziella Attard Previ, Zrinzo Azzopardi qal li minbarra l-proposti li jħabbar ta’ kuljum li qed jiġu implimentati, il-Gvern, minn żmien għal żmien, jaġġorna lill-elettorat bix-xogħol imwettaq fl-implimentazzjoni tal-programm elettorali li bih ġie elett. 

“Għall-kuntrarju ta’ amministrazzjonijiet Nazzjonalista, illum il-Gvern jidher quddiem l-elettorat b’wiċċu minn quddiem u jagħtih rendikont ta’ ħidmietu,” żied fil-pront Zrinzo Azzopardi. 

Il-mistoqsija kienet tfittex li ssir taf eżatt kemm ġew implimentati proposti mill-programm elettorali f’termini ta’ numri u persentaġġ. Madanakollu, Zrinzo Azzopardi ma pprovda l-ebda ċifra jew indikatur ċar dwar dan.                                             

Minflok, il-Ministru insista li dan il-fatt huwa konferma ta’ kemm il-Gvern huwa kontabbli u impenjat biex iwettaq dak li jwiegħed lill-elettorat. 

More in Politika