Id-Deputat Nazzjonalista minn Għawdex Alex Borg ħadha kontra l-kollega tiegħu deputat Nazzjonalista mis-Siġġiewi Karol Aqulina wara li dan attakka l-ispeaker Anġlu Farrugia u għajru li qed iservi l-interessi tal-Partit Laburista fil-parlament.
Aquilina, li jiġi ħu Robert Aquilina u li huwa d-de facto kap tal-grupp Repubblika, uża kliem iebes fil-konfront ta’ Farrugia. Il-Parlamentari Laburisti indunaw li dan l-attakk minn Karol Aquilina li kellu l-appoġġ ta’ Bernard Grech ma kellux l-appoġġ ta’ numru ta’ deputati fosthom Alex Borg u Joe Giglio. Il-Partit Laburista ħa l-vantaġġ minn dan u qal li dan hu l-mument li jerġa’ jqanqal mistoqsijiet serji dwar l-għaqda fil-PN u ressaq mozzjoni għal għada t-Tnejn. U dan wara ġimgħat ta’ episodji li jħammru wiċċ il-PL.
Aquilina argumenta li Farrugia, li kien Deputat Mexxej tal-Partit Laburista qabel ma rebaħ l-elezzjoni Joseph Muscat fl-2013, ħa deċiżjonijiet li ma kinux konsistenti mal-irwol ta’ Speaker u bid-deċiżjonijiet tiegħu vvantaġġja l-Partit Laburista. Aquilina kien qed jirreferi għad-drabi meta l-Oppożizzjoni talbet diskussjonijiet urġenti bħal fil-każ tat-traġedja ta’ Jean Paul Sofia, il-każ tal-Vitals u Stewards, kif ukoll l-aħħar każ tas-serqa tad-droga mill-barracks tal-Forzi Armati.
Fil-Parlament, il-Partit Laburista ressaq mozzjoni biex tagħti l-appoġġ lil Anġlu Farrugia imma din aktar kienet xprunata mill-fatt li jafu li l-azzjonijiet ta’ Aquilina kienu qed idejqu deputati ewlenin u qed jarawha bħala opportunità biex jerġgħu jiftħu l-ferita ta’ għaqda jew nuqqas ta’ għaqda fil-PN.
Imma diriġent għoli tal-PN qal lil din il-gazzetta b’mod kunfidenzjali; “Karol mhux mill-ħelwin nett, imma fuq din għandu raġun. L-Ispeaker mhux qed jaqdi dmiru b’mod imparzjali. U Alex Borg dan jafu, imma qed ikun prima donna. Iħobb lilu nnifsu aktar milli jħobb il-Partit. Dan huwa l-mument li nkunu magħqudin u wara l-kap mhux moħħna biex nidhru sbieħ. Borg huwa ambizzjuż imma bħalissa mhux il-mument li tkun ambizzjuż!”