Prinċipji ġodda tan-NU kontra t-terroriżmu, il-Prinċipji Valletta, imnedija waqt konferenza f’Malta

Il-President Myriam Spiteri Debono u d-Deputat Prim Ministru Ian Borg jindirizzaw il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Strateġiji Nazzjonali u Reġjonali Kontra t-Terroriżmu 

Konferenza (Ritratt:MFT/DOI)
Konferenza (Ritratt:MFT/DOI)

Rappreżentanti t’aktar minn 60 pajjiż temmew negozjati dwar ir-reviżjoni ta’ sett ta’ prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar strateġiji nazzjonali u reġjonali ta’ kontra t-terroriżmu waqt konferenza f’Malta din il-ġimgħa, li għalqet bit-tnedija tal-Prinċipji Valletta.

Il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Strateġiji Nazzjonali u Reġjonali Kontra t-Terroriżmu, organizzata mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu u d-Direttorat Eżekuttiv tal-Kumitat ta’ Kontra t-Terroriżmu tan-Nazzjonijiet Magħquda (CTED), saret l-Erbgħa u l-Ħamis f’San Ġiljan. Il-konferenza nfetħet mill-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono u mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg.

Il-Prinċipji Valletta jibnu fuq il-Prinċipji ta’ Bogotá, li kienu tħabbru fl-2013 waqt konferenza simili fil-Kolombja, sabiex joffru gwida dwar il-ħidma kontra t-terroriżmu. Ir-reviżjoni li saret f’Malta din il-ġimgħa kienet meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-istrateġiji ta’ kontra t-terroriżmu jibqgħu effettivi, jibqgħu jirrispettaw id-drittijiet, u anke jibqgħu jadattaw għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu kontinwament.

Il-prinċipji riveduti se jservu ta’ gwida globali għall-pajjiżi sabiex jiżviluppaw u jwettqu strateġiji nazzjonali u reġjonali kontra t-terroriżmu, iffukati fuq it-tkattir tal-kapaċitajiet u riżorsi, il-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-vittmi tat-terroriżmu u t-tisħiħ tal-immaniġġjar tal-fruntieri, fost aspetti importanti oħrajn.

F’isem Malta, id-Deputat Prim Ministru Ian Borg se jkun qed formalment jissottometti l-Prinċipji Valletta lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, u lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, fil-jiem li ġejjin. Fid-diskors tal-ftuħ, il-President Spiteri Debono tkellmet dwar l-irwol kontinwu ta’ Malta biex tikkontribwixxi u tippromwovi s-sigurtà u l-paċi internazzjonali. Fl-ispirtu ta’ dan, il-President innutat ukoll l-inizjattivi li ħadet Malta bħala membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex tingħeleb l-isfida tat-terroriżmu b’mod ħolistiku, b’rispett lejn id-drittijiet taċ-ċittadini. Saħqet ukoll li “l-pjaga tat-terroriżmu tisboq il-fruntieri. L-attakki terroristiċi b’mod brutali u bla ebda diskriminazzjoni jeqirdu l-ħajja tal-persuni ċivili u jkissru l-familji. Il-feriti li dawn l-atti kiefra jħallu fuq il-komunitajiet milquta ma jfiequ qatt.”

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg spjega li Malta ospitat din il-konferenza internazzjonali sabiex ittenni l-impenn tagħha lejn ix-xogħol importanti li qed jagħmlu n-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet multilaterali oħrajn biex jindirizzaw it-terroriżmu u dak kollu li jikkawżah. “Il-Prinċipji Valletta se jiżguraw li dawn il-linji gwida, li ilhom iservu ta’ direzzjoni lin-nazzjonijiet għal aktar minn diċennju, ikomplu jkunu relevanti, prattiċi u sors t’ispirazzjoni għalina lkoll,” spjega Dr Borg.

“It-terroriżmu huwa theddida gravi b’konsegwenzi serji għall-għaqda soċjali. Theddida transnazzjonali bħal din tista’ tiġi megħluba b’mod effettiv biss permezz ta’ ħidma minn gvernijiet sħaħ, b’kollaborazzjoni bejn gvernijiet u awtoritajiet differenti. Flimkien, għandna nkomplu nkunu innovattivi u nadattaw l-istrateġiji tagħna sabiex nibqgħu dejjem lesti għal dan it-theddid, li dejjem jevolvi,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Tenna wkoll li Malta qed tkompli tagħti prijorità lill-ħidma biex tindirizza theddid transnazzjonali permezz ta’ azzjonijiet nazzjonali u koperazzjoni internazzjonali. Riċentament, waqt it-terminu tagħha bħala membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, Malta mexxiet il-Kumitat 1267, dwar is-sanzjonijiet ta’ kontra t-terroriżmu, tal-istess kunsill. Hekk ukoll, waqt il-Presidenza tal-OSCE fl-2024, Malta ospitat konferenza dwar il-ħidma kontra l-antisemitiżmu, ir-razziżmu, l-Iżlamofobija, sentimenti kontra l-Kristjani u forom oħra ta’ diskriminazzjoni, b’impenn lejn id-djalogu bejn reliġjonijiet u kulturi differenti bħala għodda essenzjali fil-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti.

Waqt il-Konferenza, id-Deputat Prim Ministru kellu wkoll taħditiet ma’ Natalia Gherman, id-Direttur Eżekuttiv ta’ CTED.

More in Politika