Il-Partit Momentum qed jitlob għal referendum abrogattiv biex titħassar ir-riforma tal-inkjesta maġisterjali, imsejħa l-Abbozz 125, hekk kif jiġi approvat u jsir liġi mat-tielet qari. Il-partit kien qed jitkellem kemm f'ismu u kemm f'isem organizzazzjonijiet oħrajn.
“Issa li d-drittijiet taċ-ċittadini tnaqqsu permezz tal-vot fit-tieni qari fil-parlament, wasal iż-żmien li norganizzaw ruħna għal referendum abrogattiv,” stqarr il-partit.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Momentum Mark Camilleri Gambin qal li bħala partit jappoġġaw interament il-proposta, oriġinarjament tal-ADPD, biex jinġabru l-firem ħalli jinfetaħ referendum u b’hekk “il-klawżoli ripressivi fil-liġi” jistgħu jitħassru ladarba l-abbozz jiġi approvat fit-tielet qari fil-parlament.
Iżda qal ukoll li impenn bħall-ġbir tal-firem ta’ 10% tal-popolazzjoni huwa impossibbli li jsir mill-Partit Momentum biss u li hemm bżonn l-għajnuna ta’ għaqdiet ċivili bħall-Moviment Graffitti, Repubblika, il-Birdlife, Friends of the Earth, Aditus, u Occupy Justice, kif ukoll l-għajnuna ta’ partiti oħrajn bħall-Partit Nazzjonalista, l-ADPD, u l-Volt.
Apparti minn hekk, Gambin stqarr ukoll li rappreżentattivi minn dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jingħaqdu f’kumitat tar-referendum ħalli jaħdmu flimkien biex jifformolaw l-aħjar mistoqsija tar-referendum li tindirizza l-inkwiet taċ-ċittadini Maltin kollha.
“Il-battalja fuq din il-kwistjoni kruċjali ntilfet temporanjament, iżda r-rieda tal-poplu fl-aħħar mill-aħħar ħa toħroġ rebbieħa,” ikkonkluda Gambin.