Il-MPE Thomas Bajada jappella lill-UE biex iżżid l-għajnuna soċjali ħalli tilqa’ għall-impatt tat-tilwim ġeopolitiku

L-MEP Laburista Thomas Bajada esprima t-tħassib tiegħu dwar il-bidla drastika fil-prijoritajiet tal-UE, u wissa kontra mudell ekonomiku mmexxi mill-gwerer

 

Il-MPE Thomas Bajada (Ritratt: L-uffiċċju tal-MPE Thomas Bajada)
Il-MPE Thomas Bajada (Ritratt: L-uffiċċju tal-MPE Thomas Bajada)

Il-mexxejja tal-Istati Membri, u Membri Parlamentari Ewropej, għandhom jagħtu prijorità lill-paċi, il-benesseri taċ-ċittadini u l-istabbiltà ekonomika, bl-istess impetu u saħħa bħalma qed jiġu trattati l-isforzi lejn żieda fil-militarizzazzjoni, l-Ewroparlamentari Thomas Bajada appella.

"Irridu l-paċi, jew li titkompla l-gwerra?" Bajjada staqsa waqt li kien qed jindirizza l-Parlament Ewropew f’dibattitu dwar il-futur tad-difiża Ewropea. 

Il-kummenti tiegħu saru fost diskussjonijiet dwar żieda fl-infiq fuq id-difiża, kif imħabbar mill-Kummissarju tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen.

Il-ġimgħa l-oħra, il-Kummissjoni nediet il-pjan ta’ €800 biljun li se jara żieda fid-difiża Ewropea, fid-dawl ta’ tħassib dejjem jikber madwar kunflitti fl-Ewropa u lil hinn. 
 
Bajada esprima t-tħassib tiegħu dwar il-bidla drastika fil-prijoritajiet tal-UE, u wissa kontra mudell ekonomiku mmexxi mill-gwerer, aktar milli mill-benesseri soċjali tal-komunitajiet.
 
“Bħala Soċjalist u rappreżentant minn Stat Membru newtrali, għandi inkwiet tormentanti, li naħdmu biex nikkrejaw ekonomija ta’ Gwerra, minn suq uniku Ewropew ta’ nies, prodotti u servizzi, ninbidlu għal wieħed ta’ munizzjon u armamenti, li jeqirdu, u mhux jaqdu,” żied jgħid Bajada.
 
Filwaqt li rrikonoxxa t-theddid għas-sigurtà tal-Ewropa, Bajada wissa li ma nistgħux nibqgħu lura minn investiment fit-tul fin-nies – bħal koeżjoni soċjali, kura tas-saħħa, akkomodazzjoni u edukazzjoni – biex minflok nagħtu prijorità biss lil espansjoni militari-industrijali bla kontroll.
 
Barra minn hekk, hu wissa li l-klima ġeopolitika attwali qed toħloq riskju ta’ gwerra kummerċjali li se tolqot liċ-ċittadini kollha tal-UE. Żieda fl-inflazzjoni u instabbiltà ekonomika jistgħu jkunu l-konsegwenza, u jħallu impatt fuq il-familji, in-negozji u l-komunitajiet kollha. Huwa saħaq li l-Ewropa trid tkun ippreparata għal din il-possibbiltà, u niżguraw miżuri ta’ protezzjoni finanzjarja u ekonomika biex inħarsu liċ-ċittadini minn riperkussjonijiet serji.
 
"Ma rridux inkunu lesti biss għal theddid militari, imma wkoll għall-konsegwenzi ekonomiċi tal-kunflitti," enfasizza Bajada. “Kriżi ta’ dan id-daqs mhux se titkejjel biss bl-armi, imma wkoll bl-inflazzjoni, l-għoli tal-ħajja, u theddida għall-istabbiltà Ewropea.”
 
 “Ejjew nibnu ekonomija Ewropea mibnija fuq il-benesseri, mhux fuq il-gwerra; fuq it-tama u l-paċi, mhux fuq il-qerda,” Bajjada temm jgħid.

More in Politika