L-istati membri jisħqu dwar il-koordinament u l-importanza tal-karta tad-drittijiet fundamentali tal-UE

Il-Ministru Jonathan Attard jattendi u jipparteċipa fil-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja tal-UE

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard attenda u pparteċipa fil-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja li ltaqa’ fi Brussell fejn tkompliet id-diskussjoni fuq diversi għodod leġiżlattivi u temi varji inkluż dwar il-ġlieda kontra l-immunità fl-aggressjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna.

Matul id-diskussjonijiet leġiżlattivi, żvolġiet diskussjoni dwar id-direttiva li titratta l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ insolvenza, fejn il-Ministru Jonathan Attard, filwaqt li rrikonoxxa l-appoġġ għal din l-għodda leġiżlattiva, ikkjarifika l-pożizzjoni ta’ Malta anke b’rispett lejn il-liġijiet li pajjiżna għandu fis-seħħ.

Suġġett importanti ieħor kien it-tisħiħ tal-applikabilità tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, fejn l-Istati Membri saħqu dwar il-koordinament u l-importanza ta' dawn id-drittijiet. Fid-diskussjoni dwar is-Saltna tad-Dritt bħala pilastru fid-demokrazija, il-ministru saħaq li f’Malta fl-aħħar snin twettqu riformi bla preċedent, inkluż fil-ħatriet tal-ġudikatura, u dan biex ikunu assigurati l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom. Dawn ir-riformi issa qed ikunu kkumplimentati b’aktar riformi, inkluż proċess importanti ta’ speċjalizzazzjoni biex inkomplu nassiguraw ġustizzja aktar effettiva u effiċjenti.

Din il-laqgħa tal-Kunsill kienet ukoll kontinwazzjoni ta’ diskussjoni interessanti li l-Ministru Jonathan Attard kellu f’laqgħa bilaterali mal-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Michael McGrath, fejn matul il-laqgħa l-Kummissarju kien aġġornat dwar diversi riformi mwettqa u oħrajn li qed jitwettqu f’pajjiżna, inkluż dik marbuta mal-inkjesti u eventwalment ukoll dik marbuta mal-proċess ta’ kumpilazzjonijiet.

More in Politika