Il-membru parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Karol Aquilina ħa jidher quddiem il-kumitat tal-privileġġi parlamentari wara li rrifjuta li jirtira l-kummenti li għamel dwar il-Prim Ministru Robert Abela waqt seduta parlamentari fil-25 ta’ Frar.
Aquilina tkellem waqt li Abela kien qed jagħmel stqarrija ministerjali dwar is-serqa ta’ 200kg droga mill-Forzi Armati ta’ Malta.
Waqt is-seduta, Aquilina akkuża lill-Prim Ministru li huwa “ħbieb mal-kriminali.” Ma’ dil-akkuża, Abela talab lill-Ispeaker jintervjeni u talab lil Aquilina jirtira dak il-kumment.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia indirizza l-kwistjoni fil-parlament nhar il-Ħamis fejn irrikonoxxa li għalkemm rimarki bħal dawn mhumiex aċċettabbli, jaf jiġru fis-saħna tal-mument.
Minkejja dan, offra l-aħħar opportunità lil Aquilina biex jirtira l-kumment qabel ma ttieħed deċiżjoni.
Iżda Aquilina żamm ma’ li qal u qal li kieku saru akkużi simili dwaru, kien jiftaħ libell. Qal ukoll li Abela m’għamilx l-istess “għax jibża’ mill-evidenza jew ix-xhieda li jistgħu jiġu ppreżentati fil-qorti.”
Il-membru parlamentari Nazzjonalist kompla jallega li Abela huwa kunfidenti mid-deċiżjoni tal-Ispeaker u li l-gvern “jixtieq jgħin lill-kriminali u politiċi korrotti.” Aquilina insista li mhux ħa jirtira l-akkużi tiegħu u li qed jilqa’ l-involviment tal-kumitat tal-privileġġi parlamentari b’dirgħajh miftuħa, fejn stqarr ukoll li għandu l-intenzjoni jippreżenta evidenza u xhieda li jirfdu l-allegazzjonijiet tiegħu.
Huwa qal li l-ewwel tliet xhieda li ħa jġib biex jixhdu huma Robert Agius, li huwa akkużat li pprovda l-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia; Adrian Agius, li huwa akkużat bil-qtil ta’ Carmel Chircop; u Christian Borg tan-No Deposit Cars.
Wara r-rifjut ta’ Aquilina biex jirtira dak li qal, Farrugia kkonferma li l-każ ħa jiġi rriferut għall-kumitat permanenti tal-privileġġi parlamentari.