Partit Nazzjonalista jorganizza protesta, jgħid li l-Gvern qed ifalli l-poplu kuljum

Bernard Grech jgħid li l-gvern huwa eżawrit, u wara '12-il sena ta’ skandli' ma fadalx fejn imur.

Il-Partit Nazzjonalista qed jorganizza protesta għall-Ħadd 9 ta' Marzu, fit-3pm minn quddiem il-Parlament.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li dan il-Gvern qed ifalli lil kull Malti u Għawdxi kuljum.

"Qed ifalli għax jieħu deċiżjonijiet ħżiena; għax rasu iebsa; għax iffukat biss fuqu nnifsu u fuq kif se jsalva ġildu; għax għeja u mhux iffukat. Dan hu Gvern li falla għax immexxi minn Prim Ministru dgħajjef; li jagħmel u-turn wara oħra; li għandu jdejh marbuta minn ta’ madwaru. Li qiegħed f’kantuniera," huwa qal.

Grech semma kif kull ġimgħa l-poplu qed "jingħata prova ġdida" ta’ dan kollu, bl-aħħar prova tkun dik tas-serqa ta’ droga minn faċilità ta’ sigurtà suppost massima.

Huwa ddeskriva lill-Prim Ministru Robert Abela bħala "dgħajjef", u ċanfar lill-gvern talli ħa u-turn wara l-oħra. "Il-Ministru jgħaffeġ u jibqa’ hemm. Il-Gvern qed ifallik fis-sigurtà," Grech żied jgħid.

Għamel referenza wkoll għar-riforma tal-inkjesta maġisterjali tal-gvern, l-immaniġġjar tat-traffiku u s-sigurtà nazzjonali.

Grech qal li l-gvern huwa eżawrit, u wara “12-il sena ta’ skandli” ma fadalx fejn imur.

More in Politika