L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) ikkundanna bil-qawwa t-theddid u l-insulti li ġew indirizzati lejn ġurnalisti u cameramen quddiem il-Qorti fil-Belt Valletta l-Erbgħa filgħaxija.
Fi stqarrija nhar il-Ħamis filgħodu, l-IĠM qal li f’inċident minnhom, ġurnalisti u cameraman ġew ffilmjati u mhedda mill-qraba ta’ erba’ rġiel li tressqu l-Qorti b’rabta mal-ħtif tad-droga mill-barrakki tal-Armata nhar il-Ħadd.
F’inċident ieħor, l-istess qraba segwew ġurnalist u insultawh hekk kif kien qed iħalli l-binja tal-Qorti.
L-inċidenti seħħew għall-ħabta tat-8pm.
F’wieħed mill-inċidenti, il-każ inqabad fuq filmat, fejn nies identifikabbli jistgħu jinstemgħu jheddu b’ħsara lill-ġurnalisti u lill-familji tagħhom.
"L-IĠM jikkundanna dawn l-inċidenti u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-ġurnalisti affettwati. Dan ifakkarna fir-realtà perikoluża li jiltaqgħu magħha l-ġurnalisti fid-dmir tagħhom," qalet l-istqarrija tal-union.
L-IĠM irringrazzja lill-Pulizija għall-intervent rapidu tagħhom biex jiżguraw li l-ġurnalisti preżenti fuq il-post kienu protetti kemm waqt kif ukoll wara l-kumpilazzjoni.
L-IĠM appella wkoll lill-Pulizija biex jieħdu azzjoni kriminali kontra l-aggressuri.
Sadanittant, il-president tal-Partit Laburista Alex Sciberras esprima solidarjetà mal-ġurnalisti kollha li ġew mhedda waqt id-dmir tagħhom.
"Qatt, qatt, u qatt. Mhux aċċettabbli jew ġustifikabbli li ġurnalisti jiġu mhedda waqt xogħolhom. Ikunu min ikunu. Jekk taqbilx jew le mar-rapportaġġ tagħhom mhuwiex skuża," kiteb Sciberras f’post fuq Facebook.