‘Hija realtà li wriet, imma hija problema li Abela għandu, u akbar minn tagħna’ – Grech dwar il-bolol

Wara li l-esponent Laburista Karl Stagno Navarra fetaħ tieqa oħra lejn il-finanzjar tal-Partit Nazzjoanlista, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech jinsisti li din kienet ‘realtà li ilha teżisti’, anke fil-Partit Laburista

Bernard Grech fuq il-Programm 'Andrew Azzopardi on 103' (Ritratt: Net News)
Bernard Grech fuq il-Programm 'Andrew Azzopardi on 103' (Ritratt: Net News)

Il-Partit Nazzjonalista kellu problema bi ħlas ta’ bolol fil-passat, iżda l-istess problema fil-Partit Laburista, mhux talli għadha eżistenti, talli kompliet tikber, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal is-Sibt filgħodu. 

“Din hija realtà li ilha teżisti, jien tkellimt ċar fuq din. Jien ma niħux gost li l-affarijiet ma jkunu kif suppost, hija realtà li wriet u li ovvjament hija realtà li ilha għaddejja. Però din ipokrezija ta’ Prim Ministru illi għandu l-istess problema hu fil-partit tieghu, u jaf li għandu l-istess bħalna, u hi ikbar minn tagħna ...” Grech qal. 

Hu u jitkellem fuq il-programm “Andrew Azzopardi on RTK103”, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li qatt ma kixef il-problema tal-Partit Laburista għax “jew se naħdmu biex nimxu ’l quddiem, jew se noqogħdu nagħmlu l-battibekki.” 

Dan l-argument seħħ wara li l-esponent Laburista Karl Stagno Navarra qal din il-ġimgħa li talab lill-Qrati jinvestigaw lil Grech u lill-PN għal firxa ta’ irregolaritajiet finanzjarji li jmorru lura s-snin. L-allegazzjonijiet ivarjaw minn li l-partit naqas milli jħallas il-bolla għall-ħaddiema tiegħu, għal mistoqsijiet dwar il-mod kif Grech ħallas dejn ta’ €60,000 f’taxxa. 

Il-Mexxej Laburista u Prim Ministru Robert Abela semma wkoll dawk il-kwistjonijiet fil-Parlament, u qal li jixirqilhom investigazzjoni. 

“Ipokrezija,” qal Grech filwaqt li akkuża lill-Prim Ministru li fetaħ dan l-attakk kontrih u kontra l-Partit Nazzjonalista “għax Robert Abela qed jagħmel kollox biex jibqa’ fil-poter,” għall-kuntrarju tal-PN li qed “qed nagħmlu kollox biex inkunu Gvern alternattiv.” 

Grech irrikonoxxa li din mhux problema li ssolviha malajr, iżda hija problema li qed titranġa bil-mod.  

“Trid tapprezza li dak li writt qed nipprova nirranġah bil-mod il-mod. Indirizzajt numru ta’ sfidi u baqagħli x’nindirizza,” Grech temm jgħid fuq dan is-suġġett. 

Mistoqsi dwar l-awditur u l-pubblikazzjoni tal-kontijiet tal-partit, Grech spjega li din hija kwistjoni li diġà tkellem fuqha. Qal li l-proċess daqt jiġi konkluż u l-awditur imqabbad mill-partit kiteb lill-Kummissjoni Elettorali biex jispjegalhom li “issa f’idejh biex jagħlaq il-proċess.” 

Il-programm indirizza wkoll kwistjonijiet kurrenti oħra, inkluż ir-rikonoxximent tal-Palestina bħala stat, il-Kurunell Alex Dalli u l-Ombudsman, kif ukoll l-għoli tal-ħajja. 

  

Il-Partit Nazzjonalista mhux se jifforma alleanzi ma’ partiti iżgħar 

  

Mistoqsi dwar kummenti li kien għamel fil-passat dwar il-partiti ż-żgħar, u jekk hemmx lok għal alleanzi ma’ partiti żgħar fil-futur, Grech qal li l-Partit Nazzjonalista mhux se jifforma alleanzi ma’ partiti iżgħar, filwaqt li enfasizza l-ħtieġa ta’ gvern stabbli. 

“Jien fid-dover li noffri alternattiva għall-Gvern, iżda din il-bidla trid tkun stabbli,” żied jgħid. 

Ir-rimarki ta’ Grech saru minkejja li sondaġġ riċenti tal-gazzetta oħt, MaltaToday, indika żieda fl-appoġġ għall-partiti iżgħar bħall-Partit Momentum, li minkejja t-tnedija friska tiegħu, diġà kiseb 4% tal-appoġġ.  

L-istess sondaġġ wera wkoll li minkejja bosta skandli madwar il-gvern, Grech qed ikun fdat inqas mill-Prim Ministru Robert Abela. Għal dan, Grech wieġeb li l-PN kiseb għaqda akbar taħt it-tmexxija tiegħu u li lest jerfa’ r-responsabbiltà, kemm f’sitwazzjonijiet tajbin, kif ukoll ħżiena.  

Jitkellem dwar x’tip ta’ Gvern lest ikun il-PN, Grech qal li l-PN għandu numru ta’ soluzzjonijiet għall-problemi kurrenti, inkluż għall-għoli tal-ħajja, it-traffiku, is-saħħa, u l-ambjent.  

Hu għamel referenza għall-konferenza li saret din il-ġimgħa mid-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo rigward l-għoli tal-ħajja. Dan filwaqt li ppropona fond nazzjonali għal min jimporta u jesporta biex jgħin bi spejjeż ta’ loġistika. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kkritika għal darba oħra l-mudell ekonomiku kurrenti u sejjaħlu “mudell ekonomiku ta’ medjokrazija u kwantità.”  

More in Politika