Il-Ħamas ħelset sitt ostaġġi ħajjin minn Gaża, l-aħħar sitta skont il-ftehim li seħħ bejn il-Ħamas u l-Iżrael. L-ewwel tnejn inħelsu kmieni filgħodu s-Sibt minn Rafah. Aktar tard, udjenza kbira nġabret f' Nuseirat fejn tliet ostaġġi oħra nħelsu f'ċeremonja simili tas-Sibt li għaddha. Filwaqt li l-aħħar ostaġġi huma mistennija jinħelsu minn post ieħor il' bogħod minn għajn in-nies.
Iż-żewġ ostaġġi li nħelsu dalgħodu kienu Tal Shoham t'40 sena u Avera Mengistu ta' 38 sena. Il-familja ta' Shoham ferħet bil-ħelsien tal-qarib tagħhom u talbu sabiex jiġġedded il-ftehim u jinħelsu iżjed mill-ostaġġi.
"F'dan il-mument kruċjali ta' ħajjitna, l-unika ħaġa li qed nitolbu hi li tittieħed din l-opportunita sabiex issir ftehim li ħa jirritorna l-missirjiet m'uliedhom - dawn l-ulied għandhom bżonn lil missierhom - u r-ritorn tal-ostaġġi lura d-dar," qalet il-familja ta' Shoham f'stqarrija.
Sadanittant, l-udjenza kbira f'Nuseirat f'qalb Gaża ferħet bil-ħelsien ta' Eliya Cohen, Omer Shem Tov u Omer Wenkert. Dawn inħelsu wara intervista ma' rappreżentattiv tar-Red Cross. Fuq il-palk saret l-intervista kien hemm numru ta' tfal libsin uċuh ta' mexxeja tal-Ħamas li nqatlu. Jindirizza l-folla kien hemm ukoll Hazem Qassem f'isem il-Ħamas.
Il-kelliem tal-Ħamas qal li huma lesti jeħilsu l-priġunieri kollha jekk l-Iżrael tneħħi t-truppi kollha minn Gaża u teħles il-priġunieri Palestinjani.