Repubblika tistaqsi jekk hemmx id moħbija fil-każ Vitals, biex 'il-każ kontra Muscat jfalli'

L-għaqda ċivili kontra l-koruzzjoni, Repubblika, tgħid li ‘kulħadd għandu dmir x'jaqdi fil-ġlieda lill-korruzzjoni, anke meta l-akkużat hu Joseph Muscat’

Protesta quddiem il-Qorti favur Joseph Muscat (Ritratt: Repubblika)
Protesta quddiem il-Qorti favur Joseph Muscat (Ritratt: Repubblika)

L-organizzazzjoni Repubblika kkritikat il-mod kif il-prosekuzzjoni qed tmexxi l-każ tal-Vitals. Fi stqarrija l-għaqda ċivili kontra l-korruzzjoni qalet li n-nuqqasijiet tal-prosekuzzjoni huma ta’ tħassib u jaf huma xhieda ta’ kollużjoni biex il-każ jaqa’.

“Minn dak li qed naraw fil-Qorti, irridu nistaqsu jekk hemmx xi id moħbija li qed taħdem biex il-każ kontra Joseph Muscat u sħabu jfalli,” stqarret l-organizzazzjoni.

Dat-tħassib nibet wara li espert li kien parti fl-inkjesta maġisterjali tal-iskandlu tal-isptarijiet irrifjuta li jirritorna Malta minħabba biżgħat għas-sigurtà tiegħu. Din iċ-ċirkostanza, qed jgħidu Repubblika, jaf idgħajjef il-każ tal-prosekuzzjoni.

“Nippreżumu li d-difiża temmen li meta jitneħħa dan ir-rapport, il-każ tal-istat kontra l-klijenti tagħhom jikrolla.”

Filwaqt li jeżistu soluzzjonijiet għal dal-intopp, bħal ittri rogatorji (forma ta’ talba lil qorti barranija għal għajnuna legali), Repubblika takkuża lill-gvern b’falliment għax qatt ma wettaq regolamenti li jistgħu jsolvu għalkollox dis-sitwazzjoni.

Dawn ir-regolamenti għandhom x’jaqsmu mal-Artiklu 647A (1) tal-Kodiċi Kriminali li jaħseb għal ċirkostanzi simili ta’ dal-każ fejn xhud, għal xi raġuni jew oħra, ma jistax ikun preżenti f’Malta. L-artiklu jippermetti “l-irrekordjar fuq tejp jew fuq video ta' xi xhieda meħtieġa minn xhud... li jkun joqgħod barra minn Malta.”

“Iżda dan il-provvediment ma jistax jitħaddem mill-Qorti għax wara 10 snin il-gvern għadu m'għamilx ir-regolamenti mitluba mil-liġi. Dan hu inaċċettabbli. Bl-aktar mod ċar dan il-falliment hu r-responsabbiltà tal-gvern b'mod ġenerali u tal-Ministru Jonathan Attard b'mod partikolari,” stqarret Repubblika.

AQRA WKOLL: ‘Nipproteġu d-Dritt għall-Ġustizzja’: NGOs jipprotestaw r-riforma fl-inkjesti maġisterjali

Is-suspett ta’ Repubblika li jaf hemm xi forma ta’ kollużjoni bejn il-prosekuzzjoni u d-difiża jiġi wkoll mill-fatt li t-theddid li rċieva l-espert inkwistjoni kien akkumpanjat ma’ kampanja fil-mezzi qrib il-Partit Laburista, partikolarment dawk tal-General Workers’ Union. Dan, skont l-organizzazzjoni, għandu x’jaqsam mal-fatt li wieħed mill-akkużati huwa l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

“Il-biża' tax-xhieda rajnieha qabel f'każijiet kriminali li jinvolvu lil Joseph Muscat,” qalet l-NGO. U minkejja li Muscat ċaħad li huwa involut fl-intimidazzjoni, is-silenzju tal-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija huwa ta’ tħassib għax “mhumiex jipprovdu ebda assigurazzjoni ta’ sigurtà lil xhieda fil-każ li suppost hu tagħhom.”

Minkejja l-akkużi ta’ kollużjoni, Repubblika jittamaw li l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija jagħmlu xogħolhom mingħajr ma jħarsu lejn wiċċ ħadd.

More in Politika