Il-Qorti tal-Appell tikkonferma multa ta’ €5 Miljun lil Pilatus Bank

Il-Bank Ażerbajġani kien appella din il-multa mill-FIAU kaġun ta’ traskuraġni fi proċessi ta’ diliġenza 

Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat il-multa ta’ €4,975,500 kontra Pilatus Bank maħruġa fl-2021 mill-FIAU wara li dawn tal-aħħar sabu lill-Bank Ażerbajġani ħati ta’ traskuraġni li seta’ jwassal għall-ħasil ta’ flus u finanzjament ta’ terroriżmu. 

Fl-2021, l-FIAU ħarġet il-multa lill-Pilatus Bank rigward nuqqas fl-obbligu tal-Bank li jirrispetta l-proċessi ta’ kontra l-ħasil ta’ flus. Dan kien hekk kif il-Bank, li kellu numru ta’ politikanti u individwi importanti bħala klijenti, ma kienx qed isegwi dawn il-proċessi kif suppost. 

Pilatus Bank appellaw il-multa tal-FIAU, fejn fl-applikazzjoni tal-appell kien hemm imniżżel li l-Bank jemmen li l-FIAU applikat il-liġi b’mod żbaljat hekk kif ċerti kriterji ġew miksura qabel ma ġew introdotti, fost oħrajn.   

Il-qorti rrifjutat dan l-appell, hekk kif dan kien “riżultat tas-sitwazzjoni li l-Bank poġġa lilu nnifsu fiha, hekk kif ma kienx qed jissodisfa l-obbligazzjonijiet bażiċi ta’ kull istituzzjoni finanzjarja, meta hu ma tefax skrutinju fuq tranżazzjonijiet kbar,” jgħid l-avviż tal-qorti. 

Fl-istess deċiżjoni, il-Qorti rrifjutat l-argument li l-multa kienet eċċessiva, hekk kif l-ammont totali tat-tranżazzjonijiet, flimkien mal-identità tal-klijent “żied ir-riskju ta’ ħasil ta’ flus u finanzjament ta’ terroriżmu.” 

Il-Bank Pilatus kien f’ċentru ta’ kontroversji politiċi kbar minħabba l-intriċċi mill-Eks Kap tas-Segretarjat ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri u l-Eks Ministru Konrad Mizzi. 

More in Politika