Stħarriġ tal-gazzetta oħt MaltaToday, il-Partit Laburista reġa’ fuq quddiem b’vantaġġ ta’ erba’ punti fuq il-Partit Nazzjonalista li f’termini ta’ voti jittraduċi f’vantaġġ ta’ kważi 12,000 vot.
Dan jindika xejra favur il-Partit Laburista wara li f’Novembru li għadda stħarriġ tal-istess gazzetta poġġa ż-żewġ partiti ras imb ras.
L-istħarriġ juri li minn Novembru li għadda, il-PL iggwadanja tliet punti u l-PN tilef ftit iktar minn żewġ punti perċentwali. Madankollu, minkejja dan il-gwadann, il-Partit Laburista għal darb’oħra ma jirnexxilux jikseb il-maġġoranza assoluta tal-elettorat tant li bilkemm jaqbeż it-48%. Dan jikkonferma tnaqqis sostanzjali mill-elezzjoni tal-2022 meta 55% kienu vvutaw lill-PL.
L-istħarriġ juri wkoll li kważi 8% jew kważi 21,000 votant beħsiebhom jivvutaw lill-partiti ż-żgħar.
Dawn huma maqsuma bejn 4% li beħsiebhom jivvutaw għall-partit ġdid imwaqqaf minn Arnold Cassola, u 3% li beħsiebhom jivvutaw għall-ADPD.
L-ammont li jiksbu l-partiti ż-żgħar huwa kważi d-doppju tad-differenza bejn il-partiti l-kbar.
L-istħarriġ juri wkoll li waqt li l-Partit Laburista jitlef iktar għall-astensjoni, il-PN qed jitlef iktar għall-partiti ż-żgħar, speċjalament għall-Momentum li attira 4% tal-votanti tal-PN.
L-istħarriġ juri li l-Partit Laburista għamel gwadann sostanzjali fost il-pensjonanti tant li fost dawk li għandhom ’il fuq minn 65 sena, il-PL igawdi maġġoranza ta’ 17-il punt.
L-istħarriġ li sar fl-aħħar ġimagħtejn jirrifletti l-klima tal-pajjiż wara li daħlu fis-seħħ il-miżuri tal-baġit li kienu jinkludu qtugħ fit-taxxi u żieda fil-pensjonijiet. Dawn ġew riflessi fid-dħul tal-ħaddiema u l-pensjonanti fl-aħħar ta’ Jannar.
L-istħarriġ ikkoinċida wkoll ma’ żieda fit-temperatura politika li rat lill-Prim Ministru juża diskors aħrax fil-konfront tal-oppożizzjoni u vuċijiet oħra li huma kritiċi lejn il-Gvern u r-riforma li qed imexxi dwar l-inkjesti maġisterjali.
F’dan l-isfond l-istħarriġ juri żieda ta’ tliet punti fil-fiduċja li jgawdi Robert Abela waqt li Bernard Grech baqa’ fejn kien. Id-distakk bejn il-mexxejja żdied minn 18-il punt f’Novembru għal 22 punt fi Frar.