L-Awtorità tal-Artijiet ittrasferiet proprjetà fi Triq Fleur-de-Lys, Birkirkara, lill-Uffiċċju tal-President sabiex ikompli jappoġġja lill-Malta Community Chest Fund (MCCF), sabiex twessa’ s-servizzi li toffri fil-qasam soċjali u tintuża bħala parti minn proġett pilota li se jgħin persuni vulnerabbli biex ikollhom ħajja indipendenti.
Dan it-trasferiment ġie fformalizzat permezz ta’ ftehim li ġie ffirmat illum fil-Palazz ta’ San Anton, mis-Segretarju tal-Presidenza u mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet. L-iffirmar kien ippresedut mill-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, u mill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi.
Waqt l-iffirmar tal-ftehim, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq li dan il-pass juri l-impenn tal-Gvern biex juża l-assi pubbliċi bl-aħjar modi possibbli għall-benefiċċju tal-komunità.
“Dan il-ftehim huwa eżempju ċar ta’ kif il-Gvern qed jagħti valur soċjali lill-proprjetajiet pubbliċi billi jagħmilhom disponibbli għal inizjattivi li jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies. Permezz ta’ din il-binja, l-Uffiċċju tal-President ser ikun jista’ jkompli jappoġġja l-ħidma tal-Malta Community Chest Fund f’dan il-proġett pilota innovattiv li se jgħin lil dawk l-aktar fil-bżonn biex jimxu lejn ħajja aktar indipendenti," qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi.
Fid-diskors tagħha, il-President Myriam Spiteri Debono qalet li l-għan oriġinali li għalih twaqqfet il-Malta Community Chest Fund minn dejjem kien li jindirizza l-bżonnijiet tal-vulnerabbli. Hija saħqet dwar l-importanza li l-Malta Community Chest Fund tifrex u ssaħħaħ is-servizzi li toffri fil-qasam soċjali. Hija qalet li dan huwa l-ewwel pass fl-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett pilota.
Il-President ta’ Malta rringrazzjat lill-Gvern għal din l-inizjattiva.