'Problemi strutturali mhux mistennija' f’Triq Għajn Tuta, f'Ta' Kerċem, jtellgħu l-ispiża għal €93,000

Ix-xogħol f’Triq Għajn Tuta, li tinsab bejn il-Wied tal-Lunzjata u l-Wied tax-Xlendi, beda f’Jannar, iżda waqt li kien għaddej ix-xogħol ħareġ li hemm bżonn li parti mit-triq tintrifed bil-boltijiet

Il-Ministeru għall-Għawdex u l-Ippjanar irċieva talba urġenti mill-Kunsill Lokali ta’ Kerċem biex isiru xogħlijiet oltre f’Triq Għajn Tuta, skont tweġiba parlamentari mill-Ministru Clint Camilleri. It-talba ġiet ippreżentata wara li matul ix-xogħolijiet f’din it-triq instabu "problemi strutturali mhux mistennija."

Skont it-tweġiba tal-Ministru Camilleri għal mistoqsija parlamentari mill-Membru Parlamentari Nazzjonalista Chris Said, ħareġ li hemm bżonn li parti mit-triq tintrifed bil-boltijiet, bil-konsegwenza li l-ispiża se tiżdied b’€93,088.30.

Filwaqt li l-mistoqsija parlamentari kienet tistaqsi għal-lista sħiħa ta’ toroq li l-kunsilli lokali Għawdxin talbu li jsir xogħol fuqhom, it-tweġiba tal-ministru rreferiet biss għat-talba tal-Kunsill ta’ Kerċem.

Għadu mhux ćar jekk kunsilli lokali oħra f’Għawdex għamlux talbiet simili jew jekk hemmx aktar xogħol ta’ manutenzjoni fit-toroq ippjanat mill-ministeru għal din is-sena.

Sadanittant, il-Ministru Clint Camilleri għadu qed jaffaćja akkużi dwar nuqqas ta’ kontroll fuq l-ispejjeż u sfrutar tal-fondi fil-proġett tat-Triq tan-Nadur. F’intervista li ta lill-GozoToday il-ġimgħa li għaddiet, Camilleri ċaħad b'mod kategoriku l-akkużi li saru mill-Oppożzizzjoni kif ukoll r-rapporti riċenti tal-Uffiċċu Nazzjonali tal-Awditjar (NAO).

Dan il-proġett kien jinvolvi r-rikostruzzjoni tat-triq li tikkollega n-Nadur u Għajnsielem, konnessjoni kruċjali bejn ir-raħal u l-Port tal-Imġarr. It-triq kienet sofriet danni infrastrutturali sinifikanti tul is-snin, u dan wassal għall-bżonn ta’ manutenzjoni u titjib sostanzjali.

Il-ministru spjega li l-kumplessità tal-proġett u ċirkustanzi mhux mistennija wasslu wkoll għall-bżonn ta’ modifikazzjonijiet u xogħol addizzjonali.

Ix-xogħol f’Triq Għajn Tuta, li tinsab bejn il-Wied tal-Lunzjata u l-Wied tax-Xlendi, beda f’Jannar. Camilleri żar is-sit fejn kienu qed isiru xogħolijiet għall-installazzjoni ta’ sistema ġdida tant mistennija tad-dranaġġ, flimkien ma’ tiswija sħiħa tal-provvista tal-ilma.

L-aħħar fażi tal-proġett se jinkludu t-tqegħid ta’ aktar minn 5,000 metru kwadru ta’ asfalt ġdid.

More in Politika