Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana qal li jrid jara l-Gvern jinvesti bis-saħħa fil-ġenituri sabiex jinkoraġġihom ikollhom it-tieni wild.
“Biex nazzjon ikun b’saħħtu u ta’ suċċess, għandu bżonn ġenerazzjoni żgħira ppreparata sew, u n-numri f’Malta juru li m’għandniex hekk,” Caruana qal lill-parlament fit-taħdita tiegħu waqt l-aġġornament.
Huwa ppropona li l-Gvern joħloq rata tat-taxxa ġdida għall-familji li għandhom it-tieni wild.
Il-ministru kien qed jirreaġixxi għal studju magħmul minn Anna Borg u Liberato Camilleri, professuri kkummissjonat mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, li stħarreġ il-problemi fil-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik privata.
L-istudju spiċċa fuq l-aħbarijiet minħabba żewġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi—suġġeriment biex jiżdiedu s-sigħat tal-iskola biex jinkorporaw attivitajiet ekstrakurrikulari, u suġġeriment magħmul mil-lettriċi tax-xjenza ekonomika Rose Marie Azzopardi waqt il-konferenza biex il-koppji jkollhom mill-inqas tlett itfal minflok irabbu l-annimali.
Il-Ministru qal li analizza n-numri u ffoka fuq tema speċifika, ir-raġuni għala l-ġenituri jagħżlu li jkollhom wild wieħed jew tnejn.
Huwa qal li l-istudju sab li l-missirijiet ta’ wild wieħed għandhom età medja ta’ 32.4 snin filwaqt li l-ommijiet għandhom età medja ta’ 31.4 snin. Min-naħa l-oħra, il-ġenituri b’żewġt itfal għandhom l-ewwel wild meta il-missier ikollu bejn wieħed u ieħor 31 sena u l-omm ikollha 29 sena, jiġifieri dawk b’wild wieħed għandhom tendenza jsiru ġenturi iktar tard—distakk ta’ 17-il xahar għall-missirijiet u 29 xahar għall-ommijiet.
Ġew ukoll innotati differenzi fid-dħul, fejn djar b’wild wieħed jaqilgħu dħul medju ta’ €50,800 fis-sena, filwaqt li dawk b’żewġt itfal jaqilgħu €58,500 fis-sena—differenza ta’ €650 fix-xahar.
"L-istudju jissuġġerixxi li kunsiderazzjonijiet finanzjari għandhom irwol fl-ippjanar tal-familji. U din tista’ tifhimha: li trabbi t-tfal tiswa l-flus,” Caruana stqarr.
Qal ukoll illi l-edukazzjoni hija fattur sinifikanti fl-ippjanar tal-familji.
L-istudju jissuġġerixxi li livelli ogħla t’edukazzjoni jżidu l-probabbiltà li wieħed jakkwista xogħol b’paga tajba u jibbenifika minn iktar miżuri immirati lejn il-familji, filwaqt li individwi b’livelli t’edukazzjoni iktar baxxi għandhom probabbiltà ogħla li jaqilgħu inqas u b’hekk ikollhom wild wieħed biss.
“Id-deċiżjonijiet li jieħdu u l-investiment fihom infushom meta jkunu iżgħar iwasslu għal probabbiltà ogħla li jkollhom iktar tfal fil-futur. Għandna ninkoraġġixxu lit-tfal biex jibqgħu fis-sistema edukattiva għax għandha impatt dirett fuq il-futur ta’ pajjiżna. L-istudju juri dan biċ-ċar,” stqarr Caruana.
Caruana kompla jgħid li l-istorja turi li biex nazzjon ikun ta’ suċċess, għandha bżonn “ġenerazzjoni żgħira ppreparata sew.”
Caruana ppreżenta proġezzjonijiet demografiċi fil-parlament, ibbażati fuq data meħuda mill-istudju, li jeżaminaw il-futur tal-popolazzjoni nattiva fil-50 sena li ġejja.
Skont il-ministru, jekk ir-rata tat-twelid kurrenti tippersisti, il-popolazzjoni Maltija—jekk teskludi residenti mhux nattivi—li bħalissa qiegħda xi 406,000 persuna, b’24% li għandhom 65 sena jew iktar, ħa tonqos għal 336,000 persuna f’25 sena, b’terz tal-popolazzjoni li għandha 65 sena jew iktar.
Ir-rata tat-twelid preżenti li qed twassal għal dan hija ta’ 1.16%, li tiġi madwar 3,300 twelid fis-sena.
Sal-2075, diċ-ċifra taf terġa’ tonqos għal 240,000 persuna, b’40% li għandhom iktar minn 65 sena. F’50 sena, il-popolazzjoni Maltija hija stmata li tiċkien iktar, għal 166,000 persuna, li qed tqajjem biżgħat dwar sostenibbiltà demografika fit-tul.
Id-data, qal, turi li Malta għandha tindirizza b’mod radikali l-kwistjoni tar-rata tat-twelid li qed tonqos. Skont il-ministru, il-gvern għandu bżonn jinċentiva lill-familji biex ikollhom it-tieni wild.
“Ma tbiddilx dan billi żżid il-benefiċċji tat-tfal, imma billi tgħin lill-familji jieħdu ħsieb it-tfal, u hekk għamilna,” qal Caruana. “Għandna nikkunsidraw noħolqu rata t-taxxa ġdida għall-familji li jiddeċiedu jkollhom it-tieni wild. Għandna bżonn ninċentivawhom billi nagħtuhom eluf t’ewro fis-sena.”
Huwa qal li sistema tat-taxxa bħal din għandha bżonn inġezzjoni qawwija ta’ fondi mill-gvern.
“Għandha bżonn tiswa l-miljuni, u meta ngħid miljuni—10, 15, 20 miljun mhumiex biżżejjed, jeħtieġu jkunu ħafna iktar minn hekk,” stqarr Caruana.
Huwa kkonkluda billi jgħid li s-sentiment ġej mill-imħabba tiegħu lejn il-pajjiż u x-xewqa li jarah jirnexxi.