Il-Kummissjoni Ewropea bagħtet avviż formali lil Malta biex tindirizza n-nuqqasijiet tal-aħħar deroga tagħha dwar l-insib tal-għasafar tal-għana, fejn wissiet li tista’ timponi sanzjonijiet finanzjarji.
F'Ottubru li għadda, il-gvern idderoga għal darb'oħra mill-projbizzjoni tal-UE fuq l-insib tal-għasafar tal-għana. Dan sar inqas minn xahar wara li l-Qorti tal-UE qalet li d-“deroga tar-riċerka” preċedenti dwar l-insib ta’ seba’ speċi tal- għasafar tal-għana kienet illegali.
Nhar l-Erbgħa, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil Malta talli naqset milli tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Filwaqt li tmarka l-fatt li l-aħħar deroga kienet kważi identika għal dik preċedenti, il-Kummissjoni qalet li "id-deroga l-ġdida tonqos mill-ġdid milli tipprovdi dikjarazzjoni preċiża u adegwata tar-raġunijiet biex tispjega d-devjazzjoni tagħha minn mezzi xjentifiċi standard ta’ riċerka fil-qasam ornitoloġiku, meħtieġa biex tiġġustifika l-proporzjonalità tad-deroga."
Il-Kummissjoni nnutat ukoll li Malta naqset milli tispjega n-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra biex issir riċerka.
Malta issa għandha xahrejn biex twieġeb għall-avviż tal-Kummissjoni. “F’nuqqas ta’ tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tirreferi lil Malta lura lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’talba biex jiġu imposti sanzjonijiet finanzjarji.”