‘In-newtralità ma tfissirx li wieħed iżomm sieket meta jseħħu l-inġustizzji’: Il-kontroversja ta’ Donald Trump u Gaża minn lenti lokali

Il-gazzetta ILLUM tħares lejn id-dikjarazzjonijiet ta’ Donald Trump fuq Gaża minn għajnejn lokali u titkellem ma’ ħames persuni propju dwar dan. Huma jaqblu li Malta mhux biss għandha tirrikonixxi l-istat Palestinjan, kif għamlet fl-1988, imma tagħmel li tista’ biex il-Palestina ma taqax f’idejn l-Amerikani

Din il-ġimgħa ix-xena politika internazzjonali reġgħet daret ma’ Donald Trump, li issa qed juri snienu lill-poplu Palestinjan f’Gaża. Dan filwaqt li l-Prim Ministru Robert Abela għadu maqbud f’dibattitu dwar in-newtralità. 

F’summit fi Brussel, it-Tnejn li għadda, il-mexxejja tal-istati membri tal-UE ltaqgħu u ddiskutew kif id-difiża Ewropea għandha taddatta għal dan il-perjodu ta’ instabbiltà fil-politika internazzjonali. Il-gwaj inqala’ meta l-Prim Ministru Robert Abela stqarr li Malta għandha tinterpreta n-newtralità tagħha minn lenti oħra, mingħajr ma jsir tibdil fil-kostituzzjoni. Din hija l-istess newtralità sagrosanta li l-ebda Prim Ministru Malti qatt ma kien joħlom li jmiss fil-passat. 

(Ritratt: James Bianchi / ILLUM)
(Ritratt: James Bianchi / ILLUM)

Jumejn wara, il-President Amerikan Donald Trump wera l-intenzjonijiet Amerikani għal Gaża ċari. Dan hekk kif qasam mal-aħbarijiet internazzjonali li l-Amerka trid tieħu l-istrippa ta’ Gaża taħt idejha għal skopijiet kummerċjali waqt li tgħinha tirkupra mill-ġenoċidju.” Din l-istqarrija saret waqt li Trump kien qed jospita lill-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu fil-White House għall-erbatax-il darba, l-iżjed ammont ta’ żjarat li għamel kap ta’ stat. 

Il-President Donald Trump
Il-President Donald Trump

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ figuri prominenti fix-xena politika Maltija sabiex tara x’jaħsbu li għandu jirreaġixxi Ian Borg għall-istqarrija ta’ Donald Trump fil-kapaċitajiet tiegħu bħala l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, u x’jaħsbu fuq id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru rigward in-newtralità ta’ Malta. 

Fost dawn in-nies, il-ġurnal tkellem mal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola. Hi għamlet spunt rigward l-ipokrezija tal-Prim Ministru. Hi qalet li sodisfatta bl-intenzjoni t’Abela sabiex iżid l-infiq fuq id-difiża u tinterpreta din l-istqarrija bħala konferma li l-attakki qarrieqa kontriha kienu propaganda.  

“Il-pass li jmiss għall-Prim Ministru hu li jammetti l-iżbalji tiegħu rigward id-difiża, kif ukoll fuq l-aġir tal-ministri tiegħu, it-tmexxija tal-ħabs fost l-oħrajn,” Metsola żiedet tgħid. 

Metsola ma kkummentatx rigward id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru fuq in-newtralità Maltija imma qalet li l-Ewropa dejjem se tkun favur l-umanità, il-paċi u l-istabbiltà, waqt li l-Ewropa se tkun qed tgħin fil-bini mill-ġdid u li tgħin f’soluzzjoni għas-sigurtà ta’ Iżrael u l-perspettiva tal-poplu Palestinjan.  

Metsola enfasizzat l-importanza tal-ftehim tal-waqfien mill-ġlied, għax bis-saħħa t’hekk qed jinħelsu ħafna ostaġġi u qed tgħaddi l-għajnuna umanitarja. “Il-mozzjoni li l-poplu Palestinjan għandu jitlaq minn pajjiżu mhijiex ħa twassal għal paċi fir-reġjun,” temmet tgħid il-President. 

Sandra Gauci, il-kap tal-Partit tal-ADPD, qalet mal-ILLUM li n-newtralità kif inhi fil-kostituzzjoni, “għandna ngħożżuha, hekk kif aħna neqsin mir-riżorsi sabiex niġġieldu jekk nispiċċaw f’xi kunflitt ostili.”  

Fl-istess ħin, hija tgħid li d-dikjarazzjoni tal-president Amerikan hija “ġennata u tat-twerwir. Mhux biss għall-poplu Palestinjan, li Trump irid jeħdilhom darhom, imma wkoll għad-dinja hekk kif Trump jista’ jitfa’ għajnu fuq pajjiżi oħra bl-istess ħsieb.”  

Iċ-Chairperson tal-ADPD Sandra Gauci
Iċ-Chairperson tal-ADPD Sandra Gauci

“B’din id-dikjarazzjoni il-President Amerikan qed jgħid li bil-flus tista’ tiżbilanċja l-politika internazzjonali, li twassal għal sitwazzjoni ta’ kjass,” hija żiedet tgħid. 

Fuq l-istess linja ta’ ħsieb, André Callus, attivist mill-għaqda Moviment Graffitti għamel referenza għal dak li qal il-Prim Ministru bħala stqarrija “vaga.”  

Callus spjega kif in-newtralità titlob li Malta ma tidħol fl-ebda alleanzi militari, u din dejjem serviet lil Malta sew għax Malta m’għandhiex riżorsi militari x’tikkontribwixxi.  

Andrè Callus
Andrè Callus

“Ma nistax nifhem x’kien qed iħawwad,” qal Callus qabel ma spjega l-inkwiet tiegħu bl-influwenza li għandha l-Istati Uniti fid-deċiżjonijiet diplomatiċi ta’ Malta. Hu għamel referenza għall-ftehim tas-SOFA u l-fatt li “Ian Borg mar lura minn kelmtu fuq ir-rikonoxximent tal-Palestina bħala stat sovran minħabba din il-pressjoni.”  

“Din l-influwenza tidher ukoll meta Ian Borg ġie mistoqsi x’jagħmel jekk il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu jirfes f’Malta wara li ħareġ il-mandat t’arrest mill-Qorti Kriminali Internazzjonali u ma tax tweġiba ċara imma minflok staħba wara l-UE,” Callus żied jgħid. 

Ikompli fuq il-gwerra fil-Palestina, huwa qal lill-gazzetta ILLUM li l-intenzjonijiet ta’ Trump għandhom sentiment Nazist. Dan għaliex hu jrid ibattal lil Gaża minn niesha stess wara li ma rnexxilux ikeċċihom bil-bombi Iżraeljani li “ffinanzjat l-Amerika stess.”  

“L-aġir ta’ Trump imur kontra l-liġi internazzjonali u kull pajjiż għandu jikkundanna dak li ntqal hekk kif din it-theddida hija kontra kull poplu fid-dinja, billi tikser il-prinċipju bażiku ta’ koeżistenza. Jekk li qed jipproponi Trump isir, Iżrael ħa tkun qed tgawdi minn fuq dar il-poplu Palestinjan li ġie mkeċċi minn art twelidu.” 

Callus qal li Malta ma tistax tibqa’ siekta hekk kif silenzju jfisser indifferenza, u għalhekk, il-pass li jmiss ta’ Ian Borg għandu jkun li jirrikonoxxi l-istat Palestinjan sabiex jirċievi d-drittijiet li ħaqqu.  

“Li tkeċċi żewġ miljun ruħ lanqas biss għandha tissemma,” jikkonkludi Callus. 

Arnold Cassola, iċ-Chairperson tal-Partit Momentum, saħaq mal-ILLUM kif il-forced displacement ta’ poplu huwa reat kontra l-umanità.  

“Għalhekk kull pajjiż li jirrispetta l-liġijiet internazzjonali għandhom jgħinu sabiex dawn iż-żewġ popli jgħixu fil-paċi skont il-konfini ta’ qabel l-1967. Ian Borg għandu d-dmir li jikkontrolla r-rieda bla rażan ta’ Donald Trump għall-poter billi jiddikjara li l-intenzjonijiet tiegħu għal Gaża huma inaċċettabbli u inammissibbli,” Cassola qal.  

Huwa kompla billi esprima l-ħsibijiet tiegħu fuq in-newtralità Maltija billi jgħid li għandu jkun hemm diskussjoni fuq id-definizzjoni tan-newtralità fil-preżent li jwasslu għal emendi fil-klawsoli kostituzzjonali li saru “anakronistiċi.”  

Huwa kkonkluda billi jfakkar meta Robert Abela, Alex Agius Saliba u Daniel Attard “żebilħu x-xogħol li għamlu s-suldati Maltin f’missjonijiet ta’ paċi mal-UE u l-Ġnus Magħquda.” Hu sejjaħ lit-tliet politikanti Laburisti bħala “ipokriti u diżonesti.” 

L-aħħar persuna li tkellem mal-ILLUM kien l-Ambaxxatur Palestinjan għal Malta, Fadi Hanania.  

Hu sostna li ma jaqbilx mat-tkeċċija tan-nies Palestinjani minn pajjiżhom, speċjalment minn Gaża li hi parti integrali tal-istat Palestinjan. Hanania qal lil din il-gazzetta li dawn il-pjanijiet ħa jibbenefikaw minnhom biss il-forzi Iżraeljani billi tiffaċilitalhom l-okkupazzjoni u l-kolonizzazzjoni tal-Palestina, b’mod li jikser reżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda.  

“L-azzjoni proposta minn Trump tista’ twassal biss għal aktar kunflitti fir-reġjun sensittiv tal-Lvant Nofsani u tafferma li qatt ma jkun hemm paċi fil-Palestina. Il-komunità internazzjonali għandha tiffoka fuq l-assigurazzjoni ta’ ftehim ta’ waqfien mill-ġlied b’mod immedjat u sostenibbli, bit-tluq permanenti tal-forzi Iżraeljani u tipprovdi għajnuna umanitarja, minflok tippromovi Nakba ġdida,” huwa spjega.  

Hanania qal li n-newtralità ma tfissirx li wieħed iżomm sieket meta jseħħu inġustizzji, u afferma l-importanza li din kellha fil-politika barranija Maltija.  

Hu esprima x-xewqa tiegħu li n-newtralità Maltija tibqa’ tkun waħda attiva billi tikkontribwixxi għall-paċi, kif dejjem għamlet Malta bl-użu tad-diplomazija sabiex tiddefendi d-drittijiet umani u l-liġi internazzjonali.  

Kien għalhekk li huwa temm billi appella lil Malta sabiex tirrikonixxi l-istat Palestinjan, kif għamlet fl-1988, u li tirrifjuta t-tkeċċija tal-Palestinjani minn pajjiżhom ħalli l-Palestina ma taqax f’idejn l-Amerikani. 

More in Politika