Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista u Kelliem għall-Oppożizzjoni għal Għawdex, Alex Borg, ċaħad b’mod kategoriku l-allegazzjonijiet li pprova jinfluwenza d-deċiżjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem favur l-iżvilupp kontroversjali ta’ Fort Chambray.
L-akkużi, imressqa mill-attivist Wayne Flask, issuġġerew li Borg seta’ kellu sehem f’deċiżjoni tal-aħħar minuta mill-Kunsill biex japprova l-proġett. Madankollu, f’kummenti lill-ILLUM, Borg iddeskriva dawn l-allegazzjonijiet bħala “bla sens” u sostna: “Affiljazzjonijiet ma’ min? M’jien affiljat ma’ ħadd ħlief mal-partit tiegħi. Nista’ naċċetta l-kritika, iżda mhux allegazzjonijiet bla bażi.”
Borg spjega li d-deċiżjoni tal-Kunsill Lokali ttieħdet b’mod indipendenti wara laqgħa mal-perit tal-proġett u diskussjonijiet ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi. Huwa żied jgħid li l-pożizzjoni tal-Kunsill kienet ibbażata fuq il-ħtiġijiet tiegħu stess u mhux minħabba xi pressjoni politika. “Jien m’għamilt l-ebda pressjoni fuq il-Kunsill,” insista Borg, waqt li ddefenda l-awtonomija tiegħu.
L-iżvilupp ta’ Fort Chambray ilu jqanqal kontroversja, b’attivisti bħall-istess Flask jesprimu t-tħassib tagħhom dwar il-bilanċ bejn l-interessi tal-komunità u dawk tal-iżviluppaturi. Madankollu, Borg qal li l-approċċ tiegħu huwa wieħed bilanċjat li jara kemm l-investiment kif ukoll il-bżonnijiet tal-komunità Għawdxija. “Ma nistax naqbel li kull investiment huwa ħażin. Għawdex għandu bżonn investiment ta’ kwalità,” kompla Borg, waqt li ċaħad li l-appoġġ tiegħu għall-proġett huwa sinjal ta’ xi preferenza għall-iżviluppaturi.
Meta mistoqsi dwar il-kritika ta’ Flask fuq il-partiti żgħar, Borg sostna li d-diskors tiegħu dwar it-tielet partit mhux attakk dirett, iżda osservazzjoni dwar kif partit politiku għandu jkun imexxi b’viżjoni u mhux bi strateġija ta’ firda. “Jekk xi ħadd irid jiġġieled l-influwenza tal-iżviluppaturi, għandu jagħmel dan minn ġewwa l-partiti ewlenin u mhux billi joħloq partit ġdid,” qal Borg.
Minkejja d-difiża tiegħu tal-proġett u tal-politika tal-PN, Borg ġie mistoqsi dwar l-impatt usa’ li l-proġett jista’ jkollu fuq l-ambjent u l-komunità lokali. Huwa baqa’ sod fil-fehma tiegħu li dan jirrappreżenta pass ’il quddiem għal Għawdex. “Dan ifisser li għandna nżommu lura milli nagħmlu investiment ta’ kwalità f’Għawdex? Le,” insista Borg.
Rigward il-kritika li l-partiti politiċi stabbiliti jistgħu jxekklu lil dawk li jikkritikaw l-istatus quo, Borg wieġeb li hu nnifsu sfida diversi drabi l-istituzzjoni politika. “Ħares lejja. Nista’ ngħid li ma wettaqtx affarijiet? Kieku m’aħniex partit li jaħdem b’kuraġġ kollettiv, ma kienx ikun hemm l-inkjesta dwar l-isptarijiet jew il-każ ta’ Jean Paul Sofia,” argumenta.
Huwa tenna li l-bidla fi ħdan il-partiti tradizzjonali tibqa’ l-aqwa mezz biex wieħed iġib bidla reali, u saħaq li s-suċċess tal-PN fl-aħħar elezzjoni kien prova ta’ dan. “Il-bidla sseħħ kontinwament. In-nies għandhom jagħżlu jekk iridux ikunu parti minnha jew parti minn xi ħaġa li fl-aħħar mill-aħħar tibqa’ frammentata u ineffettiva,” temm jgħid Borg