Moviment Graffitti ikkundannat lill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) għar-rifjut kontinwu tagħha li tippubblika l-identitajiet tal-uffiċjali pubbliċi li jippreparaw rapporti kruċjali, minkejja l-konklużjoni ċara tal-Ombudsman li din il-prattika għandha tieqaf.
L-ilment inizjali, kien sar mal-Ombudsman wara li l-PA ddeċidiet li ma tiżvelax l-ismijiet tal-uffiċjali li jippreparaw rapporti. Din il-kwistjoni rat id-dawl wara l-approvazzjoni tal-applikazzjoni PA/2035/21, li kienet qed tfittex li tissanzjona parti mill-iżvilupp ta' Joseph Portelli fis-Sannat, li kien diġà revokat mill-Qorti.
Ir-rapport tal-uffiċjal tal-każ rrakkomanda l-approvazzjoni ta’ din l-applikazzjoni filwaqt li injora fatt kruċjali, li l-iżvilupp in kwistjoni kien invalidat mill-Qorti u kien, bil-liġi, mhux eleġibbli għal sanzjonar.
“Ir-rapport kien ippubblikat mingħajr ma jissemma’ l-uffiċjal li għamlu jew l-uffiċjal li approvah. Din in-nuqqas ta' trasparenza wasslet għal nuqqas ta' responsabbiltà dwar deċiżjoni illegali ċara li għamlet żufjett mill-Qorti,” qal l-NGO.
Wara li l-Ombudsman ippreżenta s-sejbiet tiegħu, il-PA wieġbet billi ddikjarat l-intenzjoni tagħha li tkompli bil-prattika, u qalet fost raġunijiet oħra: “...biex isimhom jinżamm internament għal raġunijiet ovvji u legittimi, waħda minnhom hija l-pubblikazzjoni ta' ismijiet fuq Portali tal-Aħbarijiet u l-Midja Soċjali.”
“Li jinħbew l-identitajiet tal-uffiċjali pubbliċi li jfasslu u japprovaw tali rapporti huwa parti minn sistema marida mfassla biex tippreferi lill-iżviluppaturi u tipprovdilhom l-impunità. Is-sanzjonar illegali tal-penthouses ta’ Portelli fis-Sannat sar wara li l-bini tlesta waqt li kien għadu għaddej appell. Ir-riforma mwiegħda tal-liġi dwar l-appelli tal-ippjanar għadha ma twettqitx, u issa developers oħra qed jimxu fuq l-istess eżempju, ifittxu li jissanzjonaw bħal dan strutturi b'permessi revokati mill-Qorti,” qal l-NGO.
Is-sitwazzjoni, qalet l-NGO, marret lura bil-ħatra ta' Johann Buttigieg, “persuna b'rabtiet mill-qrib mal-ikbar żviluppaturi tal-gżira, biex jerġa’ jmexxi l-PA.”
F'dan il-kuntest, il-ħabi tal-ismijiet tal-uffiċjali pubbliċi li jippreparaw rapporti jagħmilha saħansitra aktar diffiċli biex tiġi vverifikata l-integrità tal-proċessi tal-PA, inkluż potenzjali konflitti ta' interess.