Koalizzjoni ta' NGOs titlob lill-Gvern biex jippubblika l-White Paper dwar ir-riforma tal-inkjesti maġisterjali

Il-koalizzjoni saħqet li dokument bħal dan jista' jservi ta' pjattaforma għal djalogu sinifikanti u għal involviment pubbliku qabel ma jsiru bidliet leġiżlattivi fil-parlament

Koalizzjoni ta' NGOs għamlet appell kollettiv lill-Gvern biex jippubblika White Paper dwar l-emendi proposti għall-liġi li tirregola l-inkjesti maġisterjali.

Il-koalizzjoni saħqet li dokument bħal dan jista' jservi ta' pjattaforma għal djalogu sinifikanti u għal involviment pubbliku qabel ma jsiru bidliet leġiżlattivi fil-parlament.

“Jekk il-gvern biħsiebu jirrestrinġi jew jelimina dan id-dritt”, argumentaw l-NGOs, “għandu obbligu li jipprovdi ċans liċ-ċittadini jesprimu l-opinjonijiet tagħhom.” Huma ssuġġerew li t-trasparenza u l-involviment tal-pubbliku huma essenzjali, partikolarment meta r-riformi jkunu jistgħu jgħaddu effett serju fuq l-istat tad-dritt f'Malta.

L-NGOs fakkru li l-Kummissjoni Ewropea ripetutament irrakkomandat li Malta tistabbilixxi proċess obbligatorju ta' parteċipazzjoni pubblika fil-kitba tal-leġislazzjoni.

Għalkemm din ir-rakkomandazzjoni għadha mhijiex implimentata, l-organizzazzjonijiet qalu li l-Gvern għandu xorta jikkonsulta b'mod adegwat mal-pubbliku qabel ma jintroduċi liġijiet, speċjalment dawk li jolqtu l-qafas legali tal-pajjiż u l-ħidma kontra l-korruzzjoni.

Huma nnutaw li d-dispożjijonijiet eżistenti dwar l-inkjesti maġisterjali kellhom rwol kruċjali f'dawn l-aħħar snin, billi ppermettew azzjoni f'każi fejn istituzzjonijiet oħra, bħall-pulizija, fallew. L-NGOs fakkru li każijiet ta' korruzzjoni bħall-konċessjoni frawdolenti tal-isptarijiet u dawk ta’ profil għoli bħal 17 Black ma kienux javvanzaw mingħajr l-għodda legali attwali.

Il-koalizzjoni wissiet li t-tnaqqis ta' dan id-dritt jista' jdgħajjef il-kapaċità ta' Malta biex tindirizza l-korruzzjoni b'mod effettiv u jista' jfixkel il-kisba tal-ġustizzja f'każi futuri.

L-organizzazzjonijiet appellaw lill-gvern biex jassigura li kull emenda għall-liġi ssaħħaħ, minflok tirrestrinġi, il-kapaċità ta’ ċittadini u istituzzjonijiet biex jiġħlu kontra l-korruzzjoni.

Id-dikjarazzjoni kienet iffirmata minn Repubblika, Aditus Foundation, the Daphne Caruana Galizia Foundation, GĦSL, Occupy Justice, PEN Malta, Żgħażagħ Ħaddiema Nsara, Kopin, u Moviment Graffitti.

More in Politika