Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett żar l-aħħar fażi ta’ xogħlijiet li qegħdin isiru fi Triq Żabbar, waħda mit-toroq prinċipali li jgħaqqdu ż-Żejtun ma’ Ħaż-Żabbar.
Bħala parti mill-inizjattiva ‘Vjal Kulħadd’, din it-triq qiegħda tiġi trasformata f’waħda li toffri ambjent isbaħ u vjaġġar iktar sigur. Il-Ministru Chris Bonett spjega kif din it-triq hija eżempju ċar tal-viżjoni li qed iwettaq il-Gvern fejn toroq li kienu jintużaw mill-vetturi biss, issa ser jibdew joffru wkoll spazju sigur għal dawk li jagħmlu użu minn mezzi alternattivi ta’ trasport bħar-rota u l-mixi. Huwa rringrazzja lill-ħaddiema kollha li qegħdin jaħdmu lejl u nhar biex jiġi finalizzat dan il-proġett sabiex ikun jista’ jibda jitgawda mir-residenti u dawk li jiffrekwentaw ta’ kuljum din it-triq.
“Qegħdin niżguraw li fejn hu possibbli, bħalma qiegħed isir f’diversi proġetti li għandna għaddejjin fosthom l-Imsida Creek, naħdmu matul il-lejl ukoll biex b’rispett lil dawk li joqgħodu fl-inħawi, naraw li x-xogħol jitlesta kemm jista’ jkun malajr bl-inqas inkonvenjent possibbli,” temm jgħid il-Ministru Bonett.
Għal din iż-żjara kien hemm preżenti wkoll Steve Ellul, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta. Huwa sostna l-importanza ta’ dan il-proġett fejn apparti l-element ambjentali, b’ammont konsiderevoli ta’ siġar u arbuxelli ġodda li qegħdin jitħawlu tul it-triq, saru interventi infrastrutturali li jindirizzaw il-problemi tal-għargħar, fejn se jaħżnu wkoll l-ilma tax-xita għall-bdiewa tal-madwar.
Min-naħa tiegħu, il-Perit Joseph Galea spjega li x-xogħol f’din it-triq jinsab f’livell avvanzat fejn bħalissa qiegħed jitqaxxar il-wiċċ tat-triq bi preparazzjoni għal xogħol ta’ infurzar fuq is-servizzi li għaddejjin minn taħt l-art. Fi ftit ġimgħat oħra, dan il-proġett se jkun qed jitgawda mill-pubbliku.
Ir-residenti tal-inħawi wrew l-apprezzament tagħhom għal dan l-investiment infrastrutturali li qiegħed isir f’din it-triq bi pjan ħolistiku li jindirizza wkoll sfidi bħall-għargħar li kien jaħkem din iż-żona fil-maltemp.