Ħames snin ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru ... fejn żelaq, u fejn irnexxa
Robert Abela bħala Prim Ministru kiseb suċċessi notevoli u affronta sfidi kbar, iżda fejn żelaq? U fejn irnexxa? Il-gazzetta ILLUM tħares lejn il-ħames snin ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru ta’ Malta

minn Marianna Calleja

Minn meta Robert Abela sar Prim Ministru, mal-ewwel donnha faqqgħet iċ-ċajta li dan ir-raġel ma jistax jieħu ruħ. Bejn l-iskandli, il-pandemija, l-inflazzjoni u l-isfida fis-settur tal-kostruzzjoni, Abela sab ma’ wiċċu ħafna drabi problema ġdida. Faċli tkun jekk ngħidu li kien mexxej tajjeb li għeleb kull sfida, iżda ma nkunux qed ngħidu kollox. Bħalma hemm fejn inċapċpu, hemm fejn nikkritikaw. Hemm drabi fejn tilef opportunitajiet u saħansitra ħalla l-poplu jħares lejh jiddubita l-pass li jmiss. F’dan l-artiklu, il-gazzetta ILLUM, tħares lejn il-ħames żelqiet ta’ Robert Abela, u l-ħames suċċessi.
Il-ħames żelqiet ta’ Robert Abela
Responsabbilità governattiva
Abela wiret mingħand Joseph Muscat gvern mimli skandli, bil-kritiċi jargumentaw li Abela falla milli jwassal riformi sistematiċi neċessarji biex jerġa’ jirbaħ lura l-fiduċja li l-Partit Laburista gawda fi żmien il-predeċessur tiegħu.

Minkejja li kellu kull opportunità li jressaq azzjonijiet fil-każijiet tal-korruzzjoni li niżżlu lill-klikka ta’ Muscat mill-poter, Abela bħal donnu beża’. Forsi għaraf li jekk jixkupa lil Muscat u sħabu ’l barra kien se jitlef ħafna mis-sapport.
L-azzjonijiet limiti fil-każijiet tal-korruzzjoni bħal 17 Black u l-Electrogas, u l-imblokk ta’ riformi u rakkomandazzjonijiet mill-inkjesta ta’ Daphne Caruana Galizia, jindika nuqqas ta’ azzjoni fil-konfront ta’ dawk li poġġew lill-PL u lill-Gvern f’din il-pożizzjoni.
Politika ambjentali u sostenibbiltà
Sostenibbiltà spiċċat il-buzz word tad-deċennju, bil-politiċi jwaddbuha minn naħa għal oħra qisha biċċa tal-art ġo barmil. Ma nistgħux nitfgħu l-ħtija kollha fuq Abela, għax is-sostenibbiltà, u marbuta magħha l-ambjent, ilhom jiġu magħsura u mormija s-snin.
Fl-aħħar snin ta’ Muscat, il-Gvern ġie kkritikat li qed jeqred l-ispazji pubbliċi, u jitfa’ minflok mitqlu konkos. Fil-pjan ta’ damage control ta’ Abela, kellek ministri bħal Miriam Dalli li għarfu l-importanza ta’ spazji pubbliċi ... bil-ħaxix ġo fih. Madankollu l-poplu mal-ewwel għaraf li tal-ftit metri ġodda ħaxix, qed iħallas prezz qares.
Il-Gvern ta’ Abela ġie kkritikat għall-approċċ tiegħu lejn l-iżvilupp urban, b’ħafna jgħidu illi li kieku ma mietx wieħed minna, ma kienx se jbiddel il-mod kif iħares lejn is-settur tal-kostruzzjoni.

Fl-istess waqt, biex inżommu mat-tema tal-ambjent, kellek proġetti massivi li ġew approvati taħt Abela, b’allegazzjonijiet li l-gvern qed jiffavorixxi lill-iżviluppaturi. Dan filwaqt li l-protezzjoni lejn art ODZ tibqa’ dgħajfa.
Indipendenza ġudizzjarja
Iva, seħħ xogħol f’dan is-settur, speċjalment fejn jidħol il-proċess tal-appuntar tal-ġudikatura, il-Gvern introduċa bidla sew. Għaldaqstant l-Oppożizzjoni mhux weħidha meta tgħid li dan ma kienx biżżejjed.

Hemm perċezzjoni illi l-influwenza politika fuq l-istituzzjonijiet, inkluż il-pulizija, l-uffiċċju tal-avukat ġenerali, għadha b’saħħitha. Il-prosekuzzjoni laxka f’każijiet ta’ status importantissimu, ukoll iwassal għal xettiċiżmu dwar l-impenji ta’ Malta għal saltna tad-dritt ġusta u b’saħħitha.
Il-ħarsien tad-drittijiet umani fl-isfida tal-migrazzjoni
Il-politika tal-migrazzjoni taħt Abela kellha kritika ħarxa minn organizzazzjonijiet internazzjonali, u NGOs. L-akkużi ta’ pushbacks illegali u l-abbandun tal-migranti fil-baħar, ħafna drabi waslu għal wirja ta’ nuqqas ta’ empatija.
F’April 2020, seħħ inċident partikolarment kontroversjali meta Malta ġiet akkużata li orkestrat pushback li rriżulta fir-ritorn ta’ 51 immigrant lejn il-Libja. Rapporti minn NGOs sostnew li dawn il-migranti ġew interċettati fiż-żona ta’ tfittxija u salvataġġ (SAR) ta’ Malta u mgħoddija lill-awtoritajiet Libjani, fejn affaċċjaw abbużi dokumentati f’kampijiet ta’ detenzjoni. Traġikament, 12-il migrant mietu fuq il-baħar.

Dan l-inċident ġibed kundanna mifruxa minn korpi internazzjonali, inklużi l-UNHCR u Amnesty International, li argumentaw li Malta kisret il-liġi internazzjonali billi naqset li tipprovdi sigurtà. Il-gvern iddefenda l-azzjonijiet tiegħu billi kkwota riżorsi limitati u l-pressjonijiet tal-migrazzjoni irregolari matul l-istadji bikrija tal-pandemija tal-COVID-19.
Ir-ritratti u l-istqarrijiet ta’ kull ġimgħa, bla waqfien, ta’ immigranti meħuda minn djarhom, imwaddba ġo vann u mibgħutha lura pajjiżhom, forsi għenet in-narrattiva ta’ gvern “li lest jagħmel kollox biex jara Malta tal-Maltin”, f’għajn dawk li taparsi huma patrijotti. Iżda l-istess stqarrijiet u ritratti m’għenux lill-Gvern biex jidher aktar uman.
L-istat tal-kundizzjonijiet fil-kampijiet ta’ detenzjoni huwa wkoll suġġett ta’ kontroversja, u ma tantx għen lanqas.
Fl-2021, iċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Safi spiċċa taħt skrutinju qawwi wara rapporti ta’ protesti minn migranti minħabba kundizzjonijiet inumani. Filmati u testimonjanzi żvelaw spazji ffullati żżejjed, aċċess limitat għall-ilma nadif, u kura tas-saħħa inadegwata. Il-Kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Prevenzjoni tat-Tortura żar iċ-ċentru u ddeskriva l-kundizzjonijiet bħala “degradanti u inaċċettabbli”, u ħeġġeġ riformi immedjati.
L-impatt tal-viżjoni ekonomika
L-ekonomija ta’ Malta baqgħet tikber, xi ħaġa li fil-fatt se nsemmu mas-suċċessi ta’ Abela, iżda xi prezz ħallasna? Il-benefiċċji tagħha, għelbu l-impatt? Żieda fil-popolazzjoni, traffiku, qtugħ tad-dawl, bini.

Taħt il-gvern ta’ Robert Abela, iż-żieda fl-għoli tal-ħajja saret waħda mill-aktar kwistjonijiet urġenti ta’ Malta, bl-affordabbiltà tad-djar fiċ-ċentru tal-problema. Sal-2023, il-prezzijiet tal-propjetà u l-kera kienu għolew, b’ħafna familji Maltin jitħabtu biex jaffordjaw akkomodazzjoni deċenti. Iż-żgħażagħ dejjem aktar irrappurtaw diffikultà biex joħorġu mid-djar tal-familja tagħhom minħabba n-nuqqas ta’ għażliet affordabbli.
Minkejja tkabbir ekonomiku qawwi, iż-żidiet fil-pagi għal ħafna ħaddiema ma żammewx il-pass mgħaġġel tal-inflazzjoni, u ħallewhom l-art. Dan filwaqt li bdiet titħalla togħma morra ta’ preferenzi fuq l-interessi kummerċjali milli dawk tal-individwi, bl-impatt ta’ dan iħalli tensjoni soċjali dejjem tikber.
Il-ħames suċċessi ta’ Robert Abela
Il-pandemija Covid-19
Il-Gvern ta’ Abela ġie mfaħħar, mhux biss mill-Maltin, għall-mod ta’ kif indirizza l-pandemija Covid-19. B’Chris Fearne bħala Ministru għas-Saħħa, u Clyde Caruana bħala Ministru għall-Finanzi, Malta rnexxielha żżomm stabbiltà, kemm fin-numru ta’ nies milquta dirett mill-virus, kif ukoll dawk li ntlaqtu b’mod sekondarju.

Malta kienet waħda mill-pajjiżi li laħqet l-immunizzazzjoni malajr, grazzi għal kampanji kontinwi dwar il-vaċċin, u l-kontroll totali tal-pazjenti attivi fl-Isptar Mater Dei u l-imwiet. Dan ħalla riżultati pożittivi fil-ġlieda kontra l-infezzjoni.
Bil-programm ta’ appoġġ ekonomiku, il-Gvern serraħ ras il-ħaddiem li se jibqa’ xogħol jistennieh, u n-negozji kienu protetti. Ma kinux ftit li ddubitaw fil-vouchers, fl-iskemi, u l-frażi famuża, “rota ekonomika tkompli għaddejja”. Iżda kienu huma li żammew tama tnemnem fi żmien iswed.
Irkupru ekonomiku
Minkejja l-isfidi globali u l-pandemija, l-ekonomija ta’ Malta baqgħet b’saħħitha, u l-gvern ta’ Abela għamel sforzi biex l-industriji b’saħħithom bħat-teknoloġija, finanzjarja u l-logħob, iżommu kollox għaddej waqt li wħud kienu fil-limbu.
Barra minn hekk, il-qagħad baqa’ baxx, b’Malta tkun fost l-iżjed pajjiżi b’qagħad l-aktar baxx fl-Unjoni Ewropea. Dan kollu baqa’ għaddej waqt li l-amministrazzjoni ta’ Abela attirat investiment ġdid f’setturi li kienu għadhom niċeċ fil-pajjiż, bħal gaming, films, u finanzi diġitali.
Il-gvern implimenta strateġiji biex jerġa’ jqajjem is-settur turistiku ta’ Malta, wieħed mill-aktar milquta mill-pandemija. Inċentivi bħal titjiriet b’xejn, sussidji għal avvenimenti, u kampanji ta’ kummerċjalizzazzjoni għenu lill-industrija tirkupra malajr. Sal-2023, il-wasliet tat-turisti kienu kważi reġgħu lura għal-livelli ta’ qabel il-pandemija, bi qligħ rekord f’setturi relatati bħall-ospitalità u t-turiżmu kulturali.

Ġustizzja, u governanza
Il-mewt ta’ ġurnalista kienet twissija li l-ebda Gvern ma seta’ jinjora. Il-Gvern ta’ Abela ra bidliet kbar fis-sistema ġudizzjarja. Nerġgħu nsemmu l-proċess tal-ħatra tal-membri tal-ġudikatura.
F’dan il-każ il-Gvern neħħa l-irwol dirett tal-Prim Ministru u poġġa r-responsabbiltà f’idejn Kumitat tal-Ħatriet Ġudizzjarji indipendenti. Din ir-riforma indirizzat tħassib dwar is-separazzjoni tas-setgħat u kienet parti mill-isforzi biex tibda tikber il-fiduċja fl-istituzzjonijiet ta’ Malta wara l-kriżijiet politiċi tal-2019.
Il-Gvern ta’ Abela ra wkoll riformi kbar kontroversjali. Fl-14 ta’ Diċembru 2021, il-Parlament Malti ddekriminalizza l-użu rikreattiv tal-kannabis għall-pussess u l-użu personali għal dawk li għandhom 18-il sena ’l fuq, u sar l-ewwel pajjiż tal-UE li għamel dan.
Il-gvern ta’ Abela kabbar il-politika progressiva ta’ Malta dwar l-ugwaljanza u l-inklużjoni, partikolarment għall-ħaddiema u l-familji. Riforma waħda notevoli kienet l-introduzzjoni tad-drittijiet tal-IVF fl-2022.
Infrastruttura urbana
Saru numru ta’ investimenti fl-infrastruttura matul iż-żmien ta’ Abela fil-kariga ta’ prim ministru. Proġetti ewlenin tat-toroq tejbu l-influss tat-traffiku u naqqsu l-ħinijiet tal-vjaġġ speċjalment fiż-żoni bħall-Marsa, Santa Luċija, l-Imrieħel, Ħ’Attard u r-Rabat. Minkejja l-kritika ambjentali, proġetti bħal ta’ Aldo Moro, fil-Marsa, u s-Central Link, f’Ħ’Attard, raw inqas piż fuq toroq arterjali.

Il-gvern ta’ Abela ffoka wkoll fuq l-akkomodazzjoni affordabbli, nieda proġetti u skemi ta’ sussidju għall-kera biex jappoġġjaw familji bi dħul baxx u gruppi vulnerabbli.
Politika soċjali u inklużjoni
Il-poltika li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-inklużjoni ta’ numru ta’ faxex tas-soċjetà kienet waħda mill-highlights ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru.
Mill-2020 ’l hawn, baqgħet tikber l-inizjattiva l-iskema ta’ childcare b’xejn, biex b’hekk aktar ġenituri bbenefikaw minnha. Sal-2022, aktar minn 8,000 tifel u tifla ġew irreġistrati fil-programm, li jiffaċilita l-parteċipazzjoni fid-dinja tax-xogħol, speċjalment għan-nisa.
Bi tweġiba għad-Direttiva tal-UE dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja, il-gvern ta’ Abela introduċa riformi li taw xahrejn ta’ leave tal-ġenituri mħallas għal kull ġenitur, li bdew f’Awwissu 2022. Dan flimkien ma’ żidiet fl-allowances tat-tfal u inċentivi fiskali biex itaffu l-piż finanzjarju fuq il-familji.

U l-istilla tal-mandat tiegħu sa issa; Malta żammet il-klassifika fl-ewwel post tal-ILGA-Europe Rainbow Index. Taħt Abela, bi sforzi ulterjuri li saru fl-2021 biex jiġu indirizzati kwistjonijiet bħad-diskriminazzjoni fl-iskejjel u l-postijiet tax-xogħol, Malta rat aktar għarfien u l-inklussività fi ħdan is-soċjetà għal membru LGBTIQ+.

