2024: Min tela', min baqa’ l-istess, u min ħa tisbita
Hekk kif bdejna sena ġdida, il-gazzetta ILLUM tħares lejn il-pożittiv u n-negattiv tas-sena li għaddhiet permezz tal-artiklu tradizzjonali tas-sriep u s-slielem. Dawn huma l-karattri li għamlu l-2024... aktar memorabbli
minn Marianna Calleja
Is-sellum jirrappreżenta persuna li telgħet, u s-serp persuna li niżlet. Itwal ma jkun s-serp jew is-sellum, akbar kienet id-disfatta jew is-suċċess.
2. Joseph Muscat
Joseph Muscat, li darba kien stilla magħruf u li fl-2024 jibqa’ jiddefendi l-indefensibbli. Muscat, li wassal lill-Partit Laburista minn partit tellief għal partit rebbieħ fl-2013 u fl-2019 qed jaffaċċja akkużi kriminali serji. Muscat, li għandu konsulenza tajba ma’ bosta sinjuruni kbar Maltin u barranin jibqa’ jiddefendi ismu u jinsisti li m’għamel xejn ħażin. Imma ismu ħa jibqa’ marbut mal-każ Yorgen Fenech, kif ukoll mal-każ ta’ Vitals u Steward. Dan tal-aħħar każ ċelebri ta’ sparpaljar ta’ miljuni ta’ flus il-poplu lill-grupp ta’ barranin ħallelin. Muscat ma jiddejjaqx jitkellem fil-pubbliku, u ta’ spiss jidher f’intervisti jagħti l-pariri tiegħu fuq il-politika u jidher ripetutament fuq Instagram ma’ martu Michelle li tħobb tilbes ħwejjeġ u aċċessorji li jiswew eluf ta’ ewro.
4. Clint Camilleri
Il-Ministru Clint Camilleri, li hu wieħed mill-iktar ministri leali lejn Robert Abela, kellu jisfida bil-qawwa t-talbiet biex jirriżenja minħabba r-responsabbiltà politika tiegħu fl-impjieg ta’ Amanda Muscat. Camilleri insista li m’għamel xejn ħażin. Hekk kif kien qed jiġi akkużat fuq il-każ Amanda, kien hemm akkużi separati fuq il-każ tal-irmiġġi f’Għawdex mill-Eks Deputat Jason Azzopardi. Akkużi li Camilleri wkoll innega b’mod assolut. Camilleri għandu d-dekasteri importanti tal-Ippjanar, ta’ Għawdex u tal-kaċċa u insib.
8. Edward Zammit Lewis
Edward Zammit Lewis, Deputat Parlamentari Laburista minn Birkirkara, kien il-preferut jew il-magħżul tal-Gvern ta’ Robert Abela biex ikun il-ġudikant Malti għall-Qorti Ewropea. Kien Ministru tal-Ġustizzja u f’dan iż-żmien kien ġie żvelat li kellu konverżazzjonijiet ma’ Yorgen Fenech. Dak iż-żmien ħadd ma kien jaf li Fenech kien involut fl-allegat komplott biex tinqatel Daphne Caruana Galizia. Il-konverżazzjonijiet fuq Whatsapp servew biex irrovinawlu l-futur politiku tiegħu. Il-messaġġi kienu data privileġġjata li ma kellhomx joħorġu mill-atti tal-Qorti. Bosta huma dawk fil-pulizija u l-qorti li jippuntaw din il-leak lejn l-Eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, li huwa avukat parti ċivili li jirrappreżenta lill-familja Caruana Galizia. Minkejja kollox, dawn il-fatturi ħadmu kontra Zammit Lewis u ma ġiex aċċettat bħala kandidat għall-Qorti Ewropea.
10. Clayton Bartolo
Clayton Bartolo kellu jirriżenja minn Ministru għat-Turiżmu wara rapport mill-Kummissarju tal-Istandards li żvela kif il-partner ta’ Bartolo Amanda Muscat kienet ġiet impjegata mal-Ministeru ta’ Għawdex f’impjieg fantażma. Dal-każ wassal biex il-Prim Ministru Robert Abela, l-ewwel iddefendieh, imbagħad iddeċieda jitolbu jirriżenja, wara li f’każ ieħor żvelat li Amanda Muscat irċeviet pagamenti mingħand grupp Taljan li kien ġie sponsorjat mill-Malta Tourism Authority. Bartolo, li issa huwa deputat indipendenti, kien wieħed mill-iktar deputati leali lejn Abela.
12. Randolph Debattista u Cyrus Engerer
Randolph Debattista hu l-ambaxxatur il-ġdid wara li rriżenja minn Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista. Infatti deher ċar li Abela ma kienx kuntent bih bħala kap eżekuttiv. Meta kien imsemmi minn kulħadd bħala persuna li ma kienx idoneu għal dan ir-rwol u kien responsabbli flimkien ma’ ħaddieħor għall-falliment tal-PL fl-elezzjonijiet. Deher iktar moħħu biex jitfa’ botti lit-tmexxija tal-PL milli jara kif il-Partit ikun effettiv. L-istess ġralu Cyrus Engerer, il-partner tiegħu, li induna li ma kellux ċans jitla’ bħala deputat tal-Partit Laburista. Prova jikkonvinċi lil Abela biex jingħata post teknokratiku barra minn Malta imma Abela ma aċċettax. L-aħħar li smajna kien li se jibda partit ġdid.
16. Chris Fearne
Ir-rapport Vitals tal-Maġistrata Gabriella Vella wassal biex l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija jressqu lill-Eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne b’akkużi kriminali mingħajr ebda interrogazzjoni jew investigazzjoni. Fearne kellu jinsa l-ħolma li jkun il-Kummissarju Malti għall-Unjoni Ewropea wara l-ġirja li kellu kontra Abela biex isir mexxej tal-Partit Laburista. U kellu anke jirriżenja minn Deputat Prim Ministru. Baqa’ bis-siġġu parlamentari f’isem il-Partit Laburista. Mhuwiex sigriet li Fearne huwa mweġġa’ bil-mod ta’ kif ġie trattat minn Abela f’dan il-każ, fejn il-kunċett ta’ responsabbiltà kollettiva ġie kompletament skartat mill-Maġistrat u anki mill-esperti. Karriera politika li waqfet ħesrem minkejja li Fearne jista’ xi darba jirritorna. Ma ninsewx ukoll li Fearne kien l-iktar ministru voċiferu kontra l-ftehim ma’ Vitals u Steward.
18. Leonid Mckay
Leonid McKay ġie maħtur minn Robert Abela bħala l-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista fejn ħa l-post ta’ Randolph Debattista li kien ikkunsidrat bħala ‘għajjien’ u bla ħeġġa. McKay, li ġej minn familja Laburista, qatt ma kien attiv fil-Partit Laburista iżda wera kapaċitajiet maniġerjali meta kien qed imexxi lill-Caritas, il-Housing Authority u ftit wara l-ARUC. Intgħażel minn Robert Abela wara parir li ngħata minn missieru George Abela, l-Eks President tar-Repubblika u Eks Deputat Mexxej tal-PL. Il-missier Abela jibqa’ influwenza fuq it-tifel. Min-naħa tiegħu, McKay għandu għadma kbira jipprova jdaħħal xi forma ta’ ordni fil-PL wara t-tmexxija ta’ Debattista.
21. Glenn Micallef
Glenn Micallef sar il-Kummissarju l-ġdid fi Brussell wara l-proposta tiegħu sorpriża minn Robert Abela, u wara li Chris Fearne ma baqax kandidat wara l-iskandlu Vitals. Micallef huwa fost l-iżgħar kummissarji li qatt kellha l-UE. Rispettat bħala teknokratiku bħal oħrajn qablu, qatt ma kellu storja twila fil-PL. Kien ħadem fl-istituzzjonijiet tal-UE u viċin il-Ministru Zammit Lewis. Kien ħa l-post ta’ Clyde Caruana li kien sar kap tas-segretarjat ta’ Abela. Micallef, li ħa jkollu paga ta’ iktar minn 300K f’sena apparti l-ħafna benefiċċji, se jkun responsabbli minn dekasteru pjuttost ġdid li jiffoka fuq iż-żgħażagħ.
22. Peter Agius
Id-definizzjoni ta’ jekk ma jirnexxilekx erġa’ prova. Peter Agius prova jitla’ bħala MEP iktar minn darba, iżda kienet din is-sena wara li l-PN reġa’ akkwista t-tielet siġġu minn ħalq il-Labour, li rnexxielu. Mhux neċessarjament l-aqwa li l-PN jista’ joffri, iżda ovvja li jidher ileqq ħdejn persuni bħal David Casa li ma tantx għadna nisimgħu wisq bih. Fl-istess waqt, jaf jirbaħ is-simpatija ta’ xi erba’ Maltin taparsi patrijotti meta jgħid li se jiffoka fuq affarijiet Maltin aktar minn dawk ġeopolitiċi. Fuq kollox, “il-barranin”, jekk hux Malta jew lil hinn, dejjem jibqgħu l-inkwiet tal-Maltin.
24. Alex Agius Saliba
Alex Agius Saliba rebaħ l-ikbar ammont ta’ voti fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista. Xorta ma ġabx daqs Roberta Metsola imma mar tajjeb ħafna. ‘Thunder’ kif inhu magħruf mal-kollegi tiegħu, prova wkoll jikseb l-appoġġ fil-bidu tal-kampanja ta’ dawk il-Laburisti li huma ta’ Joseph Muscat. U l-ewwel attività tiegħu kien stieden lil Muscat minkejja d-dellijiet koroh fuq l-Eks Prim Ministru. Agius Saliba spiċċa Deputat Mexxej għall-Partit wara kummiedja mill-attivist Jason Micallef. Mhux ċerti kemm se jkun jista’ jagħmel dan ix-xogħol meta hu membru parlamentari full time Brussell, iżda minkejja kollox, Agius Saliba huwa wieħed mill-aħjar elementi politiċi fil-PL bħalissa.
27. Myriam Spiteri Debono
Il-vjaġġ li wassalna biex naraw President ġdid kien interessanti. Hawn ukoll kellna l-battibekki u t-theżżiż tas-snien. Bħal meta Helena Dalli ħadet għaliha għax ma ntgħażlitx hi għax il-Partit Nazzjonalista ma riedu l-ebda membru li kien fil-kabinett ta’ Joseph Muscat jieħu postu fi rwol daqshekk importanti. In-nomina ta’ Myriam Spiteri Debono ma kinitx mistennija, iżda kienet milqugħa. Dan għaliex apparti li hi maħbuba minn ħafna, għandha fibra soċjali, u dak li għandha tgħid, tgħidu. Bħal meta wissiet lill-politikanti li bil-ġlied tagħhom mhu se naslu mkien, fl-ewwel diskors tagħha ... jew inkella bħal meta fil-messaġġ tal-Milied, ftit jiem ilu, irrikonoxxiet il-barranin li qegħdin fil-pajjiż biex jaħdmu, u bil-lingwa Ingliża rringrazzjathom minkejja li huma suġġett jaħraq li ż-żewġ politiċi jtajru lejn xulxin bħal ballun f’pitch tal-futbol. Kienet persuna qrib ħafna tal-Eks Prim Ministru Alfred Sant, u mill-ewwel uriet li mhix se tħalli lill-Kastilja jindaħal, xi ħaġa li diġà għamlet fil-ftit xhur li ilha President.
30. Robert Abela
Ma kinitx sena tajba għal Robert Abela. Beda b’reshuffle u mbagħad kellu s-sħaba tal-inkjesta Vitals fuq il-gvern tiegħu. Abela deher li beda jxomm li l-Eks Mexxej u Prim Ministru Joseph Muscat kien se jitressaq u għamel minn kollox biex jerġa’ jibni pont mal-eks mexxej. Iktar u iktar meta deher ċar li ħafna votanti hard core ma kinux se jivvutaw minħabba l-mod kif qed jiġi skartat Muscat. Minkejja kollox, l-impatt tal-inkjesta Gabriella Vella u d-deċiżjoni stramba tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju biex iressaq lil kulħadd lejliet l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, kellhom effett diżastruż fuq ir-riżultat aħħari tal-PL fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju. Wara l-elezzjoni, Abela għamel l-iżball li jwaħħal f’kulħadd ħlief fih innifsu. Fl-aħħar tas-sena Abela deher aktar assertiv u determinat politikament. Imma kellu jaffaċċja l-iskandlu Bartolo u jara kif isalva t-togħma tajba tal-baġit tas-sena.
33. Roberta Metsola
Roberta Metsola, l-istilla tal-Ewropa u l-persuna li kieku kellha tiġi Malta tmexxi l-PN tkun f’ċans kbir li trebbħilhom elezzjoni nazzjonali. Metsola ħadet ir-riedni għat-tieni darba bħala l-President tal-Parlament Ewropew u rebħet is-simpatija ta’ bosta partiti. Imdawra minn numru mdaqqas ta’ persuni kompetenti u kapaċi. F’kuntest internazzjonali hija kkunsidrata bħala persuna influwenti u għandha gravitas kbir. Fuq livell lokali l-affarijiet huma inqas ċari imma f’għalqa politika pjuttost fqira u bla wċuħ kariżmatiċi u elokwenti, Metsola għandha ċans kbir li titfi lill-politikanti l-oħra, inkluż lil Abela. Imma li mhux ċerti minnu hu jekk Metsola hix se tiġi lura Malta u tieħu post Grech.
36. Ian Borg
Ian Borg ibbrilla mhux ftit fil-pożizzjoni ta’ Ministru għall-Affarijiet Barranin. L-ewwel jirrappreżenta lil Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà fil-Ġnus Magħquda u mbagħad fl-OSCE. Żamm ’il bogħod mill-kontroversja politika u l-iskandli u b’hekk baqa’ jfuħ. Ġabar rispett kbir minn ħafna osservaturi li kienu sorpriżi bil-mod kif irnexxielu jikseb tant rispett fuq livell internazzjonali. Reġa’ tela’ skaluna meta ġie magħżul Deputat Mexxej għall-Affarijiet Parlamentari flok Chris Fearne. U wisq aktar meta ħa d-dekasteru tat-turiżmu li kien taħt Clayton Bartolo. Ħafna jargumentaw li fl-assenza ta’ Robert Abela, Borg ikun il-mexxej naturali tal-PL.
40. Bernard Grech
Bernard Grech irnexxielu jikseb riżultat elettorali li wassal il-PN f’pożizzjoni li jerġa’ jkun verament ta’ theddida elettorali għall-PL. Grech, li qatt ma kiseb rati għoljin fis-sondaġġi, kien kapaċi jikkapitalizza fuq l-iskandli li kellu jaffaċċja Abela, kif ukoll mid-dwejjaq tal-elettorat fil-konfront ta’ żieda fil-ħaddiema barranin, it-traffiku, l-ambjent, u l-għoli tal-ħajja. Grech kien kapaċi jgħaqqad il-partit u jġib ċerta trankwillità fil-PN. Imma għandu nuqqasijiet sew meta jiġi biex jartikola argumenti ekonomiċi jew inkella jispira b’ideat politiċi innovattivi. Wieħed irid jara jekk l-2025 hix se sservi biex tassigura li l-PN jibqa’ biċ-ċans li jirbaħ lil-Labour.