NGOs jitolbu l-għajnuna tal-pubbliku sabiex jappellaw id-deċiżjoni tal-PA fil-każ tal-Forti Chambray

Għadd ta' għaqdiet non-governattivi jiddikjaraw li se jagħmlu użu minn kull mezz legali biex iwaqqfu l-pjanijiet ta’ żvilupp li, skont huma, jiksru b’mod ċar il-liġijiet li jipproteġu l-wirt kultural

Għadd ta’ għaqdiet mhux governattivi (NGOs) qed iħejju biex jappellaw id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) li tippermetti d-demolizzjoni tal-barrakki storiċi Brittaniċi f’Fort Chambray, filwaqt li qed ifittxu l-appoġġ tal-pubbliku.

Id-demolizzjoni hija ppjanata biex tagħmel wisa’ għal 105 unit residenzjali, lukanda b’64 kamra u 50 appartament, kif ukoll faċilitajiet kummerċjali oħra.

Fi stqarrija konġunta, l-għaqdiet sejħu lill-pubbliku biex jgħinhom iffinanzjaw l-appelli meħtieġa biex isalvaw lil Fort Chambray. Skont huma, il-PA qed turi nuqqas flagranti ta’ rispett għall-wirt storiku tal-pajjiż. 

L-għaqdiet ikkritikaw ukoll id-dikjarazzjoni tal-Ministeru tal-Wirt Kulturali u qalu illi li "l-pjanijiet ta’ żvilupp għal Fort Chambray jikkonformaw mal-viżjoni tal-Kavallieri" hija “assurda” u prova li “l-politikanti tilfu kull direzzjoni”.

Huma ddikjaraw li se jagħmlu użu minn kull mezz legali biex iwaqqfu l-pjanijiet ta’ żvilupp li, skont huma, jiksru b’mod ċar il-liġijiet li jipproteġu l-wirt kulturali.

Il-barrakki Brittaniċi, li jmorru lura għall-1895, huma deskritti bħala l-aktar bini ikoniku fi ħdan Fort Chambray. Huma l-ewwel struttura li tidher minn dawk li jkunu ġejjin mill-baħar tal-Port ta’ Mġarr. 

L-għaqdiet qalu li nstabu irregolaritajiet serji fil-proċess tal-ippjanar li jqajmu dubji dwar il-validità legali tad-deċiżjonijiet tal-PA rigward Fort Chambray. Għaldaqstant, qed iħeġġu lill-pubbliku biex jagħti donazzjonijiet permezz ta’ Zaar, pjattaforma tal-crowdfunding.

L-għaqdiet li qed jappellaw kontra d-deċiżjoni tal-Fort Chambray huma: BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa, Din l-Art Ħelwa – Għawdex, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Għawdix, Moviment Graffitti, Ramblers' Association of Malta, The Archaeological Society Malta u Wirt Għawdex.

More in Politika