MCAST jipproponi għotja annwali ta’ €4,000 fil-ftehim settorjali bejn l-amministrazjoni u l-MUT

€4,000 allowance fis-sena, inqas sigħat ta’ kuntatt mal-istudenti, u ġranet iqsar fl-iskola. Dan u aktar ġie propost fi ftehim settorali bejn l-MUT u l-MCAST kważi sentejn ilu 

In-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn il-Malta Union of Teachers (MUT) u l-amministrazzjoni tal-MCAST laħqu mument kritiku laqgħat ilu, bil-kulleġġ joffri allowance annwali ta’ €4,000 għal Senior Lecturers II bħala parti minn ftehim settorjali ġdid. Din l-allowance, li suppost kellha tibda’ fis-seħħ f’Jannar 2023, tiġi bi ħlas bil-quddiem ta’ €8,000 (ta’ sentejn) mal-iffirmar tal-ftehim u tirrappreżenta waħda mill-aktar proposti finanzjarji sinifikanti fid-diskussjonijiet. 

In-negozjati, li ilhom għaddejjin minn April 2022, inkludew aktar minn 70 laqgħa u bosta punti ta’ tilwim bejn l-amministrazzjoni u l-unjin tal-għalliema. Filwaqt li ntlaħaq xi ftehim xi drabi, inkluż fl-eliminazzjoni tas-sigħat ewlenin u t-tnaqqis tal-ġimgħat tal-qari tas-semestru minn 16 għal 15, bosta talbiet tal-unjin għadhom mhux solvuti.  

Dawn jinkludu garanzija ta’ sigħat ta’ xogħol remot, drittijiet miżjuda għal leave tal-vaganzi, u kumpens għal leave mhux użat, li l-amministrazzjoni ċaħdet kollha. 

Fost il-miżuri miftiehma kien hemm, is-sigħat imnaqqsa ta' tgħalim fejn il-letturi veteran jkollhom is-sigħat ta' kuntatt tagħhom limitati għal 14 fil-ġimgħa. 

Kien hemm ukoll il-limitazzjonijiet fid-daqs tal-klassi, fejn klassi għal-livelli MQF 3 se jkunu limitati fil-kobor.  

Kien hemm ftehim ukoll fuq ġranet tax-xogħol imqassra. F’dan il-każ ġie miftiehm li l-ġurnata tax-xogħol standard għall-letturi se tispiċċa fit-3:30pm minflok fl-4:30pm, biex tipprovdi bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. 

Barra minn hekk, seħħ ftehim fuq t-tneħħija tas-sigħat ewlenin, b'effett fi Frar 2024, fejn il-persuna li jagħti lezzjonijiet huwa meħtieġ biss li jkun fuq il-kampus għal-lezzjonijiet jew laqgħat skedati. 

Id-diskors bejn il-unjin u l-amministrazzjoni jinkludi wkoll allowance annwali ta’ €4,000 għal Lecturers II. L-amministrazzjoni tittama li dawn jirriflettu r-rieda tal-amministrazzjoni li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol filwaqt li tibbilanċja l-prijoritajiet operazzjonali u edukattivi tal-istituzzjoni. Il-pakkett jinkludi wkoll żieda fis-salarji bażiċi u allowances għal diversi gradi, bil-għan li jiġu indirizzati kwistjonijiet li ilhom fit-tul imqajma mill-MUT. 

Tilwim persistenti fuq kumpens,  riċerka fuq bażi personali, u aktar 

Minkejja l-avvanzi, l-amministrazzjoni baqgħet soda meta ċaħdet talbiet speċifiċi tal-unjin, u semmiet il-ħtieġa li jiġu protetti l-interessi tal-istudenti u li jaderixxu ma’ policies usa’ tas-servizz pubbliku.  

Fost l-eżempji ssemmew l-attivitajiet li jirrikjedu riċerka personali, li mhux akkademika, li se tibqa’ mingħajr kumpens sakemm ma tkunx ordnata speċifikament mill-MCAST. Isemma’ wkoll il-flessibilità fid-daqs tal-klassi. Hawn l-amministrazzjoni rrifjutat li tillimita d-daqsijiet tal-klassi għal-livelli MQF 4 u ogħla, u tablet għal approċċ aktar sostenibbli u bbażat fuq ir-riżorsi. L-iktar każ li qed jissemma diżgwid fuqu pero’ hu dwar il-ħlas ta’ €400 għal xogħol relatat mar-resits. Din hi talba tal-unjin li ġiet miċħuda. 

L-MCAST saħaq li l-azzjonijiet industrijali, u t-tul tal-proċess tan-negozjati, mhumiex iwasslu għal djalogu kostruttiv. L-amministrazzjoni sostniet li n-negozjati għandhom jipproċedu b’rieda tajba, ħielsa mill-pressjonijiet ta’ tfixkil kontinwu. 

More in Politika