AĠĠORNATA: Il-PN jgħid li l-Gvern qed jipperikola l-wirt dinji ta' Malta

Il-Partit Nazzjonalista qed jikkwota rapport tal-UNESCO li jixħet dawl fuq tħassib serju dwar il-futur tal-Belt bħala Sit ta’ Wirt Dinji

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern qed jonqos mill-obbligu tiegħu li jipproteġi l-Belt Valletta bħala Sit ta’ Wirt Dinji u wissa li, jekk ma tittieħidx azzjoni urġenti, il-kapitali tista’ titlef dan l-istatus prestiġjuż. Dan wara li l-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO ippubblika rapport li, skont il-PN, jikkonferma t-tħassib li ilhom jesprimu għal bosta snin.

Skont l-istqarrija maħruġa mill-PN, ir-rapport tal-UNESCO jenfasizza l-ħtieġa ta’ aġġornament fil-Pjani Lokali u fil-politiki tal-ippjanar biex jirriflettu t-tibdiliet ambjentali, demografiċi, ekonomiċi u kulturali li seħħew fl-aħħar għoxrin sena. Il-partit sostna li dawn l-iżviluppi ma ġewx indirizzati kif xieraq u dan qed jipperikola l-wirt storiku u arkitettoniku tal-Belt Valletta.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-UNESCO wriet tħassib serju dwar in-nuqqas ta’ kontroll fuq l-għoli tal-bini, il-pressjoni mit-turiżmu u l-assenza ta’ buffer zones effettivi madwar il-Belt. Skont il-PN, dan juri li l-Gvern qed jonqos milli jfassal u jimplimenta politika ċara u sostenibbli għall-ġestjoni tal-wirt nazzjonali. Żied jgħid li l-Gvern qed jagħti prijorità lill-interessi ta’ ftit negozjanti fuq il-ġid komuni u l-komunità Beltija, u dan wassal biex titħassar il-fiduċja kemm tan-nies kif ukoll ta’ istituzzjonijiet internazzjonali bħall-UNESCO.

Il-każ tal-Evans Building ġie msemmi bħala eżempju ta’ din l-attitudni, fejn il-PN qal li l-Gvern qed jinjora s-sejħa tar-residenti biex il-binja tintuża għal skopijiet soċjali u kulturali. Il-partit sostna wkoll li l-proċess nieqes minn trasparenza u minn konsultazzjoni pubblika xierqa.

Il-PN qal li dan in-nuqqas ta’ rispett lejn il-wirt nazzjonali u dinji mhux limitat għall-Belt Valletta biss, iżda jidher ukoll f’postijiet oħra bħal fil-każ tat-Tempji tal-Ġgantija u Għajn Tuffieħa. Fi kliemu, l-istess politika ta’ kommersjalizzazzjoni aggressiva qed tnaqqas il-valur kulturali ta’ dawn is-siti, u qed toħloq preċedent li jista’ jkollu konsegwenzi serji fuq l-istatus internazzjonali tagħhom.

Il-partit appella lill-Gvern biex jieħu r-rapport tal-UNESCO bl-akbar serjetà u ħeġġeġ għal reviżjoni immedjata tal-pjani u l-politiki relatati mal-Belt Valletta. Fost l-azzjonijiet li jrid jara tittieħed hemm valutazzjoni komprensiva tal-impatt fuq il-wirt, magħrufa bħala Heritage Impact Assessment, li skont il-UNESCO għandha tiġi ppreżentata sas-1 ta’ Diċembru 2026.

Fl-aħħar nett, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Belt Valletta mhix biss belt imma hija l-qalba tal-identità Maltija, u li jekk ma tittieħidx azzjoni issa, il-pajjiż se jkun qed jitlef parti mill-wirt u mill-identità tiegħu għal dejjem.

Il-ministeru tal-kultura jirrispondi lill-Oppożizzjoni
Il-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali qal li l-Oppożizzjoni qed twassal messaġġ allarmist bla bażi meta tissuġġerixxi li t-titlu tal-Belt Valletta bħala Sit ta’ Wirt Dinji skont l-UNESCO jinsab f’riskju.

Fi stqarrija, il-Ministeru qal li r-rapport State of Conservation tal-Belt Valletta, ippreżentat u evalwat waqt is-47 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO f’Pariġi, ġie milqugħ b’mod pożittiv. L-istess Kumitat laqa’ l-pjan ta’ ġestjoni tal-Belt, kif ukoll il-valutazzjonijiet tal-impatt fuq il-wirt kulturali li qed jiġu implimentati fuq proġetti rilevanti.

Il-Ministeru saħaq li l-UNESCO qatt ma indikaw li t-titlu tal-Belt Valletta jista’ jintilef, u semma li dan juri relazzjonijiet sodi bejn Malta u l-World Heritage Centre. Bħala konferma ta’ dan, filwaqt li siti oħra ġew mitluba jippreżentaw rapport ieħor f’inqas minn sena, lil Malta ngħataw 18-il xahar biex iressqu aġġornament ieħor – sal-1 ta’ Diċembru 2026.

Il-Gvern temm jgħid li se jkompli jaħdem biex jissaħħu l-mekkaniżmi għall-ħarsien tal-Belt Valletta bħala wirt nazzjonali u internazzjonali.

More in Politika