[BIR-RITRATTI] Ħarsa lejn dak li seħħ waqt l-akbar laqgħa ministerjali tal-OCSE f’Malta
Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn l-aktar ħames mumenti importanti u interessanti fil-laqgħa għolja tal-Kunsill Ministerjali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) din il-ġimgħa, f’Ta’ Qali

minn Marianna Calleja
.jpeg)
Din il-ġimgħa f’Malta seħħet il-laqgħa għolja tal-Kunsill Ministerjali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE). Din il-laqgħa, li ssir darba fis-sena fil-pajjiż li jżomm il-presidenza, rat il-parteċipazzjoni ta’ aktar minn 800 delegat minn 57 stat membru tal-OSCE.
Il-Kunsill Ministerjali ddiskuta sfidi importanti relatati mas-sigurtà reġjonali, kif ukoll deċiżjonijiet urġenti dwar il-funzjonament tal-organizzazzjoni. Fost is-suġġetti ewlenin kien hemm il-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja, it-tensjonijiet f’Iżrael u f’Gaża, kif ukoll żviluppi fl-Asja tal-Lvant.
Din il-laqgħa rat ukoll l-ewwel żjara tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu, Sergey Lavrov, fl-Ewropa minn meta bdiet l-invażjoni Russa tal-Ukrajna fl-2022. Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken.
Għalkemm l-UE imponiet sanzjonijiet fuq Lavrov, ma ġewx imposti projbizzjonijiet ta’ vjaġġar, sabiex jinżammu kanali ta’ diplomazija miftuħa.
Ian Borg jiftaħ il-laqgħa b’kundanna ċara lejn ir-Russja

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin, Ian Borg, fetaħ il-31 Kunsill Ministerjali tal-OSCE b’kundanna ċara għall-invażjoni kontinwa tar-Russja fl-Ukrajna, li ddeskriva bħala “theddida sistematika għas-sigurtà Ewropea” u ksur flagranti tan-normi internazzjonali.
F’diskors lil 57 pajjiż miġbur fl-MFCC, Ta’ Qali, Borg appella għal tmiem immedjat tal-gwerra u sforzi multilaterali ġodda biex tinġieb il-paċi. “Inkomplu nikkundannaw il-ksur flagranti ta’ dawn l-obbligi fl-aggressjoni kontinwa tar-Russja kontra l-Ukrajna,” qal Borg, u żied jappella għar-Russja biex tirtira mit-territorju internazzjonalment rikonoxxut tal-Ukrajna.
Borg talab ukoll għall-ħelsien immedjat ta’ tliet membri tal-persunal tal-OSCE li jinsabu maqbuda f’territorju kkontrollat mir-Russja, u ddeskriva s-sitwazzjoni tagħhom bħala inġustizzja inkwetanti.
B’ħarsa lejn sfidi globali usa’, Borg wissa dwar it-theddid għar-regoli u l-istituzzjonijiet li kienu ilhom isostnu l-paċi internazzjonali għal 80 sena. Huwa tenna l-impenn ta’ Malta, bħala President tal-OSCE, biex taħdem favur djalogu produttiv u paċi dejjiema fl-Ukrajna.
“Ma nistgħux nibqgħu naħarbu mill-problemi,” temm jgħid Borg. “Irridu naħdmu flimkien biex insostnu l-OSCE u nibnu futur ta’ sigurtà u stabbiltà.”
Sergey Lavrov jattakka lill-Punent

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu, Sergey Lavrov, għamel diskors kritiku kontra l-Punent waqt il-ftuħ tal-konferenza ministerjali tal-OSCE f’Malta.
“Għall-Punent, il-prinċipji ta’ Helsinki huma biss kliem fiergħa. Huma jistennew li oħrajn josservawhom, basta jaqblu mal-għanijiet tagħhom,” qal Lavrov.
Lavrov iddeskriva l-għan tal-Ukrajna bħala wieħed li “tibqa’ żżomm lir-Russja lura.” Huwa qal li l-OSCE tilfet kwalunkwe djalogu rispettabbli fost il-membri tagħha.
Huwa kkritika wkoll id-deċiżjoni li ma tinħarigx viża għas-sostituta tiegħu Maria Zakharova, u sejħilha “tentattiv ieħor biex jeqirdu l-kunsens.”
Ftit wara, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna, Andriy Sybiga, akkuża lil Lavrov bħala “kriminal tal-gwerra,” u akkuża lir-Russja li hija l-akbar theddida għas-sigurtà Ewropea.
‘Putin irid iħassar l-Ukrajna minn fuq il-mappa’ – Antony Blinken

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken, ikkritika bil-qawwa lill-President Russu Vladimir Putin, waqt id-diskors tiegħu. Blinken akkuża lil Putin li qed jimmina l-liġi internazzjonali u s-sovranità tal-Ukrajna, u argumenta li l-proġett ta’ Putin huwa mmirat biex iħassar lil Ukrajna mill-mappa.
Huwa żied li r-retorika ta’ Lavrov, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu li telaq mis-sala qabel id-diskors ta’ Blinken, hija qarrieqa. Skont Blinken, l-aggressjoni Russa turi nuqqas fundamentali ta’ rispett lejn in-normi internazzjonali.
Blinken faħħar lill-OSCE għar-rwol tagħha li żżomm id-drittijiet demokratiċi, partikolarment fl-Ukrajna, fejn il-programm ta’ appoġġ tagħha għen biex jiġu identifikati tfal Ukreni maħtufa u pprovdiet taħriġ kontra l-korruzzjoni.
Huwa kkritika wkoll l-intromissjoni tar-Russja fl-elezzjonijiet tal-Moldova u l-Georgia, u kkundanna lill-partit governattiv Georgjan li qed itellef il-proċess ta’ adeżjoni tal-pajjiż mal-Unjoni Ewropea.
Blinken temm billi rringrazzja lil Malta għall-organizzazzjoni tal-konferenza, waqt li faħħar ir-rwol tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg bħala President tal-OSCE.
Il-komunità Ukrena f’Malta bi protesta kontra ż-żjara ta’ Sergey Lavrov

Il-komunità Ukrena f’Malta organizzat protesta kontra ż-żjara tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Russja, Sergey Lavrov, li kien qed jattendi għal-laqgħa ministerjali tal-OSCE f’Malta.
“Il-Fondazzjoni għall-Komunità Ukrena ta’ Malta tikkundanna d-deċiżjoni li jintlaqa’ uffiċjal Russu f’konferenza f’pajjiż li jħaddan il-valuri demokratiċi u l-libertajiet,” qal il-grupp.
Il-komunità ddeskriviet lil Lavrov bħala rappreżentant ewlieni tar-reġim responsabbli għall-gwerra brutali kontra l-popolazzjoni paċifika tal-Ukrajna u insistiet li m’għandux ikun preżenti f’dan l-avveniment.
Ian Borg jiddefendi l-involviment tar-Russja fis-summit tal-OSCE f’Malta
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Viċi Prim Ministru Malti, Ian Borg, iddefenda d-deċiżjoni li tiġi mistiedna r-Russja għas-summit tal-Kunsill tal-OSCE, u qal li huwa importanti li jkollna djalogu ma’ dawk li jistgħu jwaqqfu l-gwerra minnufih.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet ta’ għeluq is-summit, Borg qal li hemm ħafna organizzazzjonijiet fejn ir-Russja mhijiex membru, iżda f’dan il-kuntest huwa aħjar li jkunu bilqiegħda mal-istess mejda. “Huwa essenzjali li jkollna diskussjoni fejn inwasslu messaġġ ċar lil dawk responsabbli biex itemmu l-gwerra u jirtiraw mit-territorju Ukren,” qal Borg.
Borg irrimarka li fi żmien bħal dan, l-impenn mal-avversarji huwa kruċjali. Huwa qal li l-OSCE tibqa’ pedament tal-multilateraliżmu u strument għal paċi u s-sigurtà, anke quddiem sfidi kbar.

Borg qal li minkejja d-diffikultajiet, Malta ħalliet organizzazzjoni aktar b’saħħitha milli sabet. “Ir-rwol ta’ Malta bħala pajjiż żgħir u newtrali wera kemm tista’ tagħmel differenza f’politika globali,” temm jgħid. Huwa ħabbar ftehim unanimu bejn is-57 pajjiż tal-OSCE fuq il-ħatriet ewlenin tal-organizzazzjoni, inkluż Feridun Sinirlioğlu bħala Segretarju Ġenerali.

