Amanda Muscat tagħti lura €16,407 wara deċiżjoni tal-Kumitat tal-Istandards

F’ittra indirizzata lis-Segretarju Permanenti Prinċipali, Amanda Muscat issostni li hija innoċenti, għax ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards jikkonferma li 'kollox sar skont il-manual u r-regolamenti eżistenti' 

Amanda Muscat, mart l-eks Ministru Clayton Bartolo, irrifondat is-somma ta' €16,407 mill-paga tagħha bħala konsulent pubblika wara deċiżjoni tal-Kumitat tal-Istandards nhar l-Erbgħa.

F’ittra indirizzata lis-Segretarju Permanenti Prinċipali, Tony Sultana, Muscat sostniet li hija innoċenti, għax ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards jikkonferma li “kollox sar skont il-manual u r-regolamenti eżistenti.”

Muscat iddikjarat li tat lura l-flus b'rispett lejn l-istituzzjonijiet ta’ Malta, u mhux bħala ammissjoni ta’ ħtija.

L-eks Ministru tat-Turiżmu, Clayton Bartolo, ippreżenta s-sottomissjoni tiegħu lill-kumitat nhar l-Erbgħa, fejn appella għal emendi fil-Manual on Resourcing Policies and Procedures. Huwa enfasizza li r-rapport tal-kummissarju ma jagħmel ebda referenza għal azzjoni kriminali li għandha tittieħed.

Bartolo kkundanna t-termini “frodi” u “phantom job” li ntużaw reċentement, u qal li dawn huma biss “spin politiku.”

Intant, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri wkoll ippreżenta s-sottomissjonijiet tiegħu lill-kumitat. Huwa laqa’ r-rapport tal-kummissarju kif ukoll l-adozzjoni tiegħu mill-kumitat, iżda tenna li l-impjieg ta’ Amanda Muscat kien skont il-manual eżistenti.

“Il-proċeduri kollha ġew rispettati b’mod normali, bħalma jsir f’każijiet oħra simili,” qal Camilleri.

Camilleri ddeskriva l-impjieg ta’ Muscat bħala każ fejn “għamlet xogħol li ma jirriflettix it-titlu tal-pożizzjoni tagħha.” Minkejja dan, huwa esprima riżervi personali fuq l-interpretazzjoni tar-rapport u sostna li huwa impossibbli għal politiku li jiċċertifika l-funzjoni ta’ kull impjegat.

Minkejja l-pressjoni pubblika biex jirriżenja, Camilleri insista li ma rċieva l-ebda benefiċċju personali mill-konsulenza kontroversjali, u li ma wettaqx frodi jew serq ta’ fondi pubbliċi.

Camilleri temm billi stqarr li huwa kburi li jagħmel parti minn “gvern li jipprattika u jtejjeb il-governanza u l-istat tad-dritt.”

More in Politika