Il-Ministru għall-Ġustizzja jenfasizza l-progress ta’ Malta fir-riformi tas-saltna tad-dritt fil-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ta preżentazzjoni komprensiva fil-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali li tlaqqa’ fi Brussell, li ffoka fuq ir-riformi sinifikanti ta’ Malta fil-kuntest tar-Rapport tal-2024 dwar is-saltna tad-dritt

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ta preżentazzjoni komprensiva fil-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali li tlaqqa’ fi Brussell, li ffoka fuq ir-riformi sinifikanti ta’ Malta fil-kuntest tar-Rapport tal-2024 dwar is-saltna tad-dritt. Din il-preżentazzjoni timmarka t-tielet ċiklu ta’ diskussjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, li jinkludi wkoll żviluppi ewlenin fl-Olanda, l-Awstrija u l-Polonja.

Attard esprima l-gratitudni tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea għall-kooperazzjoni u l-appoġġ kontinwu tagħha matul il-vjaġġ ta’ riformi f’Malta. “Malta għaddiet minn riformi istituzzjonali u ġudizzjarji kruċjali mill-2020, b’reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet minn diversi msieħba internazzjonali, fosthom il-Kummissjoni, il-Kummissjoni Venezja, il-GRECO, u l-OSCE,” qal il-ministru.

Ir-riformi li nbdew fl-2020 kienu komprensivi, u indirizzaw arranġamenti kostituzzjonali fundamentali li kienu baqgħu l-istess mill-indipendenza ta’ Malta ’l hawn. Bidliet ewlenin kienu jinkludu l-proċessi għall-ħatra u t-tneħħija tal-President tar-Repubblika, ir-reviżjoni tal-ħatriet ġudizzjarji, u l-aġġornament tal-proċeduri għal korpi indipendenti bħall-Bank Ċentrali u l-Awtorità tas-Servizzi finanzjarji ta’ Malta. Riforma notevoli kienet is-separazzjoni ċara bejn ir-rwoli ta’ prosekutur ewlieni u ta’ konsulent legali tal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, li wasslet għall-ħolqien ta’ Servizz ta’ Prosekuzzjoni distint.

Il-Ministru enfasizza dwar l-implimentazzjoni b’suċċess ta’ dawn ir-riformi u nnota li ħafna inizjattivi wrew riżultati pożittivi, filwaqt li oħrajn qed ikomplu jiżviluppaw. “It-twaqqif tal-Prosekuzzjoni kompletament separat kien pass importanti. Mill-1 ta’ Ottubru 2024, l-Avukat Ġenerali issa qed imexxi l-prosekuzzjoni tar-reati kollha li jġorru piena ta' aktar minn sentejn, u dan huwa pass trasformattiv fis-sistema ġudizzjarja tagħna,” huwa spjega.

Mill-aħħar preżentazzjoni fl-2022, Malta għamlet ħatriet notevoli fi rwoli istituzzjonali bl-użu ta’ proċeduri riveduti li jiżguraw approvazzjoni b’maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-Kamra tad-Deputati. Semma wkoll kif iż-żieda fl-għadd ta’ Imħallfin u Maġistrati f’Malta żdiedet b’34% mill-2020, li jirrifletti l-impenn tal-gvern li jsaħħaħ il-ġudikatura. Il-Ministru Jonathan Attard enfasizza wkoll l-investimenti sostanzjali li saru fil-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, b’mod partikolari fid-Dipartiment tal-investigazzjonijiet tar-reati finanzjarji, li ra żieda ta’ 81% fl-istaff u żieda ta’ 260% fl-infiq mill-2018 sal-2023.

Rigward it-triq ’il quddiem, il-ministru spjega l-azzjonijiet ewlenin li qed jiġu implimentati jew proposti bħalissa, b’mod partikolari fis-settur tal-ġustizzja. Semma l-ħidma li għaddejja fuq riformi biex titjieb l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja, inkluż it-twaqqif ta’ Qorti kummerċjali speċjalizzata u riforma fil-Qorti tal-Familja, bil-għan li jkompli jiġi prijoritizzat il-benesseri tat-tfal fi proċedimenti legali.

Dwar l-isforzi kontra l-korruzzjoni, il-ministru nnota li l-gvern qed jindirizza sfidi relatati mat-tul tal-investigazzjonijiet f’każijiet ta’ korruzzjoni f’livell għoli. Inħatru maġistrati ġodda biex l-inkjesti jkunu aktar spediti, u qed jiġi żviluppat abbozz ta’ leġiżlazzjoni biex tiġi riformata s-sistema tal-indaġni.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-pluraliżmu u l-libertà tal-midja, Malta ħadet passi sinifikanti, billi hija l-ewwel Stat Membru tal-UE li ttraspona d-Direttiva Anti-SLAPP. Dan ġie enfasizzat u rikonoxxut ukoll mill-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Didier Reynders. Din il-leġiżlazzjoni għandha l-għan li tipproteġi l-parteċipazzjoni pubblika u tipprevjeni azzjonijiet legali abbużivi kontra individwi li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom għal diskors liberu.

Attard temm jafferma mill-ġdid l-impenn tal-gvern għal titjib kontinwu fis-saltna tad-dritt. “Filwaqt li għamilna progress sinifikanti, nirrikonoxxu li għad fadal ħafna xogħol xi jsir. L-entużjażmu tagħna biex inżommu momentum pożittiv f ’dawn ir-riformi huwa bla preċedent,” qal il-ministru.

Il-preżentazzjoni fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali tenfasizza d-dedikazzjoni ta’ Malta li tħares s-saltna tad-dritt u trawwem qafas demokratiku robust, li jallinja mal-valuri u l-istandards tal-Unjoni Ewropea.

More in Politika