Robert Abela jħeġġeġ lil Grech jikkonċentra fuq min qed jaħdem kontrih minflok ’jifissa fuqu’

B’tweġiba għall-allegazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni, dwar patt imxajtan ma’ Joseph Muscat, Robert Abela qal li minkejja li jżomm lil predeċessur tiegħu fl-ogħla stima, l-unika patt li għamel kien mal-poplu

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li minkejja jżomm lill-predeċessur tiegħu fl-ogħla stima, l-unika patt li huwa għamel kien man-nies.

Saħaq ukoll li l-proċeduri ġudizzjarji kontra tiegħu għandhom jieħdu l-kors tagħhom mingħajr indħil.  

“Jiena għamilt patt wieħed biss f’ħajti, u dak mal-poplu Malti,” qal Abela b’mod ċar.  

Huwa kien waqt intervista fuq Xtra, ta’ TVM, meta d-diskors dar fuq allegazzjoni li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-programm ta’ qabel. Grech kien akkuża lil Abela li “għamel patt imxajtan” ma’ Joseph Muscat waqt il-kampanja għat-tmexxija tal-Partit Laburista.

“Bernard Grech iffisat fuqi, u fuq il-pattijiet,” Abela qal, qabel ma ħeġġeġ lil Grech biex jikkonċentra aktar fuq dak li qed jiġri “minn wara dahru” minn xi “ħbieb tiegħu stess,” li qed jaħdmu kontrih.  

Meta magħfus dwar Joseph Muscat, Abela qal li għadu jżomm lil Muscat fl-ogħla stima bħala eks mexxej Laburista u eks Prim Ministru. “Ir-rwol tiegħi bħala mexxej u Prim Ministru mhuwiex li nattakka n-nies imma li ningħaqad magħhom. Min jixtieq jagħti kontribut lill-pajjiż, dejjem milqugħ.”  

More in Politika