Transport Malta b’miżuri biex Malta ma teħilx fit-traffiku waqt SiGMA

Drop off points u parking apposta fost miżuri biex Malta ma terġax teħel fit-traffiku fil-ġurnata li tospita l-konferenza tal-industrija tal-iGaming, SiGMA, fil-ġimgħa li ġejja 

Transport Malta se tkun qed timplimenta sensiela ta’ miżuri kkordinati biex tikkontrolla t-traffiku matul l-avvenimenti ta’ SiGMA fil-ġimgħa li ġejja. 

Kelliem għal Ministeru tat-Trasport u t-Toroq qal lill-ILLUM li l-konferenza SiGMA ta’ din is-sena se tkun mgħammra b’punti magħżula ta’ pick-up u drop-off fost miżuri oħra li jtaffu t-traffiku biex tiġi evitata l-konġestjoni kbira li l-istess avveniment ra fis-sena li għaddiet. 

“Hemm żoni ta’ drop-off magħżula għall-kowċis fi Triq Tat-Tromba u għal taxis bojod biswit il-warehouse ta’ Salv Bezzina & Sons Ltd, b’mixja qasira sal-post. Vetturi Y-plate għandhom ukoll aċċess iddedikat fil-parking biswit Triq Garibaldi, fejn mal-inżul il-mixja hi ta’ ħames minuti, appoġġjat minn geofencing għal żoni ristretti.”  

Biex dan kollu jiġi miftiehem sewwa, il-kelliem qal ukoll li se jitweħħlu sinjali ċari madwar iż-żona, u dawn se jkomplu jiggwidaw lil dawk kollha li jattendu, sew jekk jaslu bil-karozza, bil-mixi, jew bit-trasport pubbliku.  

“Transport Malta hija impenjata biex tassisti fil-kordinazzjoni matul dan l-avveniment,” il-kelliem temm jgħid. 

Sena ilu Malta weħlet f’serbut wieħed ta’ karozzi, hekk kif il-konferenza tal-industrija tal-iGaming, SiGMA, laħqet il-qofol tagħha fil-Mediterranean Maritime Hub fil-Marsa.  

Uffiċjali minn Transport Malta kienu fuq il-post biex itaffu l-konġestjoni kbira li laqtet diversi lokalitajiet tal-gżira matul it-Tlieta filgħaxija. Iżda l-impatt kien wisq kbir, b’lokalitajiet oħra bħall-Ħamrun, Tal-Pietà, L-Imsida, San Ġwann, Pembroke, u Birkirkara, kollha esperjenzaw traffiku qawwi. Il-konġestjoni, fil-fatt, estendiet mis-Swieqi sa Ħal Tarxien, b’mod speċjali għal dawk li  kienu sejrin lejn id-direzzjoni ta’ Nofsinhar. 

Minkejja dan, il-fundatur ta’ SiGMA Europe, Eman Pulis, iddeskriva li l-għażla li jirrilokaw il-konferenza għal post akbar kienet “għażla tajba”, anke jekk din ġabet magħha diversi sfidi. 

Waqt post fuq LinkedIn, Pulis qal, “nifhem li fl-ewwel ġurnata, it-traffiku madwar il-pajjiż kien affettwat, u jiddispjaċini għall-inkonvenjent. Tgħallimna lezzjonijiet siewja li jistgħu jgħinuna nippreparaw aħjar għas-sena d-dieħla.” 

SiGMA Europe f’Malta tiġbor flimkien mexxejja tal-industrija tal-gaming għal sessjonijiet ta’ networking, workshops, u ideat ġodda. Il-konferenza tiġbed madwar 25,000 delegat minn madwar id-dinja kollha u aktar minn 1,000 esebitur, li jinvolvu ruħhom f’wirjiet li għaddejjin f’lokalitajiet differenti madwar il-pajjiż. 

Pulis kien spjega kif il-konferenza kienet possibbli biss għax ħames xhur qabel ġew assigurati l-permessi kollha meħtieġa biex jibdew ix-xogħol fuq tliet imħażen abbandunati, li ġew rinnovati biex jospitaw din l-edizzjoni. 

Il-konferenza, li ilha ssir f’Malta għal disa’ snin, issa qed tilħaq livelli ġodda. Għalkemm kienu jistennew sfidi ta’ infrastruttura, Pulis esprima t-tama li Malta tibqa’ l-post fejn din il-konferenza tkompli ssir.  

F’kumment lill-ġurnalisti, Pulis żied jgħid li l-konferenza kienet ċans għal aktar investiment barrani f’Malta. F’Malta, is-settur tal-gaming ilu jsostni l-ekonomija, b’aktar minn 11,200 persuna impjegati u €1.5 biljun fi dħul annwali. Minkejja l-isfidi tat-traffiku, Pulis appella biex Malta tibqa’ l-pjattaforma ewlenija għal din il-konferenza, li tkompli tagħmel impatt b’saħħtu fuq l-ekonomija Maltija u fuq il-prestiġju tal-pajjiż bħala ċentru tal-gaming. 

More in Politika