‘Kulħadd jaf li din hija scam, inkluż il-Gvern’, BirdLife tgħid li dak li qed jagħmel il-Gvern hu llegali
L-ILLUM titkellem ma’ BirdLife Malta, ġranet wara li talbet lill-Kummissjoni Ewropea żżomm lil Malta responsabbli għall-ftuħ ta’ derogazzjoni oħra għall-insib tal-għasafar. Mark Sultana jgħid li l-Gvern qed jitgħawweġ kompletament biex jaqdi ftit nies li heddewh bil-vot
minn Marianna Calleja
BirdLife Malta din il-ġimgħa talbet lill-Kummissjoni Ewropea sabiex iżżomm lill-Gvern responsabbli għall-ftuħ ta’ derogazzjoni oħra għall-insib tal-għasafar tal-għana taħt “il-maskra ta’ riċerka xjentifika”.
Hemm bosta li jargumentaw li din hi azzjoni drastika, u fuq din in-nota, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Mark Sultana, CEO ta’ BirdLife Malta.
Huwa ma tilifx ħin milli jakkuża mal-ewwel lill-Gvern li qed “jerġa’ jitgħawweġ kompletament” biex jiżgura li n-nassaba jkollhom mod kif jaqbdu l-għasafar.
“Kulħadd jaf li din hija scam, inkluż il-Gvern u għalhekk l-intenzjonijiet tiegħu huma purament li jħalli dan l-abbuż li jwassal biex għexieren ta’ eluf ta’ għasafar tal-għana protetti jmutu,” Sultana qal.
Insista li l-Gvern lest jirriskja li jaffaċċja l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja għal darb’oħra, u juri li jimpurtah iktar minn dawk li jheddu bil-voti tagħhom, mill-bqija taċ-ċittadini.
Sultana qal ukoll lil hinn mill-kwistjoni tar-reati ambjentali, din hija wkoll kwistjoni dwar l-istat tad-dritt “li qed jintrema.” “Dan huwa antidemokratiku, illegali u mhux etiku,” insista Sultana.
Jitkellem dwar kif il-pubbliku rreaġixxa għas-sejħa ta’ koperazzjoni, Sultana qal li dejjem kien koperattiv ħafna l-pubbliku, billi jirrapporta illegalitajiet li jara fil-kampanja.
“Is-sejħa tagħna għall-azzjoni li se tissaħħaħ fil-jiem li ġejjin hija biex il-poplu jingħaqad magħna fil-ġlieda kontra din l-illegalità billi jkun għajnejna hemmhekk.”
“Irridu nispjegaw aħjar kif nidentifikaw l-illegalitajiet u l-abbuż biex kulħadd ikun jista’ jiġbor l-evidenza u jgħaddilna biex naġixxu fuqha. Għandna wkoll l-appoġġ ta’ Għaqdiet Ambjentali u se nesprimu din il-koalizzjoni fil-futur qarib.”
Mistoqsi dwar kif jippretendu li jinħoloq bilanċ bejn is-salvagwardja ta’ “delizzju tradizzjonali,” kif bosta jsejħulu, u l-impatt tal-insib,” Sultana qal li mhux ġust li kompromess bħal dan jaqa’ fuq BirdLife meta hu l-Gvern u l-lobby tal-kaċċatturi u n-nassaba li jibqgħu jabbużaw u jiksru l-liġijiet tal-Unjoni Ewropea.
Qal li BirdLife dejjem lesta li tisma’ s-suġġerimenti dwar kif l-attivitajiet jistgħu jiġu miftiehma fi ħdan l-ispirtu u d-direzzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar l-Għasafar.
“Wara l-ECJ, il-Gvern kellu kull opportunità u fil-fatt obbligu li jiftaħ diskussjoni biex jara kif il-pajjiż se jimxi ’l quddiem wara s-sentenza tal-ECJ. Minflok, għażel li jkun arroganti u bulldoze quddiem,” żied jgħid Sultana.
Mistoqsi fl-aħħar dwar x’jaħseb li għandu jkun ir-riżultat mit-talba tal-BirdLife, Sultana qal li huma qegħdin f’kuntatt kontinwu mal-Kummissjoni tal-UE minn dakinhar li s-sentenza tal-ECJ. Il-kuntatt però żdied wara “d-deċiżjoni assurda tal-gvern li jiftaħ l-istaġun tal-insib.”
“Aħna nitolbu u nistennew li l-kummissjoni tal-UE tieħu azzjoni immedjata kontra Malta u dan kien ċar fl-ittra miftuħa li bgħattna u laqgħa li kellna mal-Kummissjoni tal-UE ftit jiem ilu.”
“Il-kummissjoni għandha proċess xi ssegwi iżda huwa ċar li hija irritata mill-approċċ magħżul mill-Gvern biex ibaħħar ’il quddiem.”
F’ittra miftuħa lil Maroš Šefčovič, il-Viċi President Eżekuttiv tal-Unjoni Ewropea u Kummissarju għall-Ambjent, BirdLife Malta qed tikkontesta l-ħtieġa ta’ azzjoni urġenti.
“Is-sitwazzjoni hija kritika, u mhux biss se jiġu maħtufa għexieren ta’ eluf ta’ għasafar protetti li mbagħad se jmutu wara xhur ta’ priġunerija, iżda wkoll il-prinċipji fundamentali tal-istat tad-dritt qed ikunu serjament miksura,” tgħid l-ittra.
Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ) iddeċidiet fl-2018 u għal darb’oħra fl-2024 (każ 23/23) li l-insib tal-għasafar tal-għana huwa illegali, iżda Malta għadha ma aċċettatx dawn id-deċiżjonijiet u qed tkompli ssib modi kif l-insib jibqa’ għaddej.
BirdLife Malta ddikjarat li l-azzjonijiet tal-Gvern qed ifarrku l-istat tad-dritt u ħeġġet lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni immedjata skont l-Artiklu 260 tat-Trattat biex twaqqaf din il-prattika illegali u żżomm lil Malta responsabbli.
“Il-Kummissjoni tal-UE għandha tieħu dan il-każ bis-serjetà u b’urġenza. Il-Prim Ministru Dr Robert Abela m’għandux intenzjoni li jagħmel dak li huwa ġust sakemm jaffaċċja l-eżekuzzjoni sħiħa tal-Kummissjoni tal-UE għall-azzjonijiet tiegħu.”
F’avviż legali ppubblikat nhar is-Sibt filgħaxija, il-Gvern ippubblika d-dettalji tad-derogazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 9 (1) (b). Il-“perjodu ta’ riċerka” ġie miftuħ nhar is-Sibt, u se jdum sal-20 ta’ Diċembru 2024.