Il-Membri Parlamentari u l-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista reġgħu talbu lill-gvern biex iwaqqaf il-kostruzzjoni tal-flyover fil-proġett tal-Imsida, li qed jippjana fil-qalba ta’ din il-lokalità.
“Residenti fl-irħula tagħna jistħoqqilhom pajjiż ta’ kwalità. F’dan, hemm qbil bejn il-Gvern u l-Partit Nazzjonalista. Iżda l-fatti jitkellmu waħedhom. Gvern li jgħid li jrid lokalitajiet ta’ kwalità għadu determinat li jagħmel flyover ta’ tliet sulari f’nofs il-qalba ta’ Msida,” qalu l-kelliema tal-Partit Nazzjonalista nhar il-Ħamis filgħodu.
Fi konferenza stampa indirizzata minn Mark Anthony Sammut, Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport, Joe Giglio, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Infrastruttura, u s-Sindku ta’ Msida Charles Selvaggi, il-Partit Nazzjonalista appella lill-gvern biex jieqaf bil-proċess ta’ kostruzzjoni tal-flyover ippjanat u jikkunsidra alternattivi li ma jżidux aktar konġestjoni tat-traffiku f’din iż-żona. Preżenti wkoll kienu l-kunsilliera Nazzjonalisti ta’ Msida.
Il-kelliema qalu li minkejja li l-Ministru għall-Infrastruttura jgħid li issa huwa tard wisq, sakemm il-flyover għadu mhux mibni, għad hemm żmien biex jitwaqqaf dan il-proġett.
Qalu wkoll li minkejja l-bini ta’ diversi flyovers f’żoni traffikiżu madwar il-pajjiż f’dawn l-aħħar snin, in-nies għadhom jinsabu f’konġestjoni kontinwa.
“Is-soluzzjoni mhix li nibnu aktar toroq iżda li naddottaw approċċ ġdid u infrastruttura li tippromwovi l-użu ta’ mezzi ta’ trasport alternattivi u sistemi ta’ trasport tal-massa komdi u effiċjenti,” qalu.
Is-Sindku tal-Imsida Charles Selvaggi enfasizza li l-kunsilliera Nazzjonalisti dejjem kellhom riservi dwar il-flyover u l-effikaċja tiegħu biex isolvi l-problema tat-traffiku, minkejja li qegħdin jaqblu dwar il-bżonn ta’ proġett li jirriġenera Msida permezz ta’ spazji miftuħa.
Selvaggi enfasizza li dawn ir-riżervi ġew ukoll dokumentati f’minuti ta’ laqgħa tal-Kunsill tas-31 ta’ Jannar 2023.
Huwa żied jgħid li l-kunsill kien għadu inkwetat dwar il-konġestjoni għaddejja ħdejn l-iskatepark.