‘Iġġakbinawna, din sostenibbiltà?’ – Residenti, kunsilliera u NGOs joħonqu Bajja San Ġorġ bi protesta kontra l-proġett ta’ Villa Rosa

Residenti, kunsilliera u NGOs jinġabru fil-Bajja San Ġorġ, San Ġiljan, bi protesta kontra proġett fiż-żona. Attivisti jinsistu li l-politikanti qed jaħdmu minn wara daharhom biex jaqdu lil Anton Camilleri ‘Tal-Franċiż’

Nies miġbura fuq Bajja San Ġorġ jistaqsu lill-Gvern min qed imexxi l-pajjiż. (Ritratt: James Bianchi/ILLUM)
Nies miġbura fuq Bajja San Ġorġ jistaqsu lill-Gvern min qed imexxi l-pajjiż. (Ritratt: James Bianchi/ILLUM)

Il-Gvern ħadem minn wara daharna sabiex jaqdi lill-imħuħ wara l-proġett ta’ Villa Rosa, li se jara biss aktar tniġġis, traffiku u qerda. Dan hu l-messaġġ li ħareġ minn protesta li seħħet propju f’Bajja San Ġorġ f’San Ġiljan, kontra l-iżvilupp li se jara l-bini ta’ tliet torrijiet fiż-żona. 

“Iġġakbinawna! Din sostenibbiltà? Qed tissagrifikaw ħajjet ir-residenti biex tħallu l-iżviluppaturi jikkontrollaw lill-pajjiż,” qalet Astrid Vella minn Flimkien għal Ambjent Aħjar. 

B’folla nies miġbura warajha, Astrid Vella, waħda mill-persuni li indirizzaw il-midja s-Sibt filgħodu, qalet li Malta “ma baqgħetx tagħna lkoll, anzi saret tal-iżviluppaturi biss.” 

Astrid Vella minn Flimkien għal Ambjent Aħjar. (Ritratt: James Bianchi/ILLUM)
Astrid Vella minn Flimkien għal Ambjent Aħjar. (Ritratt: James Bianchi/ILLUM)

Telenka l-impatt li se jkollu l-proġett fuq San Ġiljan, Vella semmiet kif it-torrijiet se jdallmu ż-żona, bil-bajja u r-residenti biswit il-proġett ikunu l-aktar affettwati. Fakkret ukoll li l-proġett innifsu tant hu kbir li se jħalli tniġġis kbir warajh. 

“1,200 vettura tal-bini se jgħaddu qalb ir-residenti kull ġimgħa, u wara li jitlesta 16,000 vettura se jkunu ġġenerati fuq toroq limitati; f’toroq li anke ambulanza tbati biex tgħaddi minnhom bħalissa.” 

Semmiet ukoll Villa Rosa nnifisha, struttura protetta bl-ewwel grad. Tikkwota l-liġi, Vella qalet li strutturi bħal din huma taħt protezzjoni totali, u kulħadd hu obbligat li jippreservahom fit-total kollha tagħhom. 

Hija kienet qed tibni fuq id-diskors ta’ Patrick Calleja, President Eżekuttiv ta’ Din l-Art Ħelwa. Itenni d-diskors li għamel fuq il-programm Xtra t-Tnejn filgħodu, Calleja akkuża lill-Awtorità tal-Ippjanar li qabdet kelma b’kelma l-objettivi tal-iżviluppatur u daħlithom fid-dokument tar-reviżjoni tal-pjanijiet lokali. 

Patrick Calleja, President Eżekuttiv ta' din l-Art Ħelwa. (Ritratt: James Bianchi/ILLUM)
Patrick Calleja, President Eżekuttiv ta' din l-Art Ħelwa. (Ritratt: James Bianchi/ILLUM)

“Il-pjan lokali kien sar biex jipproteġi dik il-Villa, li nbniet fil-bidu tas-seklu 20, imma wkoll il-bajja. Il-proġett mhu se jirrispetta xejn minnhom,” Calleja qal b’dispjaċir. 

“Fl-opinjoni tagħna … dan se jħassar kompletament l-ambjent.” 

‘Il-Gvern qed jaħbi minna’ 

Preżenti wkoll kien hemm is-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat, u l-Viċi Sindku ta’ San Ġiljan, Sean Gauci.  

Min-naħa tiegħu Muscat qal li dan il-proġett se jwassal biex is-Swieqi tkun estenzjoni ta’ Paceville, bl-effetti tiegħu jaffettwaw il-ħajja tar-residenti fis-Swieqi. 

Sindku tas-Swieqi, Noel Muscat.  (Ritratt: James Bianchi/ILLUM)
Sindku tas-Swieqi, Noel Muscat. (Ritratt: James Bianchi/ILLUM)

Irrimarka wkoll li jekk issa “qed ingergru bit-traffiku, aħseb u ara kemm ħa nlaħħqu mat-traffiku wara l-proġett.” 

Jibni fuq dan l-argument, il-Viċi Sindku qal li hemm segretezza totali madwar il-proġett, u kulħadd qed jitħalla fid-dlam. 

Viċi Sindku ta' San Ġiljan. Sean Gauci. (Ritratt: James Bianchi/ILLUM)
Viċi Sindku ta' San Ġiljan. Sean Gauci. (Ritratt: James Bianchi/ILLUM)

“Ma nafux x’se jsir eżatt, u ma nafux it-tibdiliet li se jsiru fil-pjanijiet lokali stess … Il-gvern qed jaħbi minna, u ma naħsibx li qed jagħmel tibdil lejn it-tajjeb, għax kieku kien jagħmel konferenza stampa żgur,” qal Gauci. 

‘Qaddejja u servituri tal-iżviluppaturi’ 

Fi kliem aħrax, André Callus minn Moviment Graffitti, ċanfar lill-politikanti talli “ħlew sentejn fuq riformi tal-appelli … imma mbagħad meta kellimhom ‘Tal-Franċiż’, irsistew biex ibiddlu l-pjan lokali kollu.” 

Callus fakkar kif għall-aħħar sentejn, l-attivisti kienu qed jitolbu riformi li jaraw twaqqif ta’ proġetti li jkollhom appelli kontrihom fil-Qorti jew fil-bords tal-Awtorità tal-Ippjanar. Spjega kif bħalissa, minkejja appelli, żviluppatur jista’ jibqa’ “jfarrak u jkisser”, bil-proġett ikun kważi lest meta l-Qorti taqta’ s-sentenza. Semma kif anke meta l-Qorti ssib illegalitajiet, “il-Gvern ma jagħmel xejn biex ineħħihom.” 

“Is-sitwazzjoni hija ħażina ħafna … sirtu qaddejja u servituri tal-iżviluppaturi. Saltna tal-iżviluppaturi, u intom qegħdin fil-but ta’ dawn in-nies,” temm jgħid Callus. 

More in Politika