L-istazzjon tat-tram fil-Marsa se jkun restawrat

Dan il-bini, li kellu rwol importanti fin-netwerk tat-trasport Malti tal-bidu tas-seklu għoxrin qabel il-wasla tal-karozzi tal-linja u tal-karozzi, imma issa jinsab fi stat ta’ telqa bi strutturi ewlenin mhedda jew saħansittra neqsin

L-Awtorità tal-Ippjanar mistennija tapprova l-pjan tar-restawr tal-Istazzjon tal-enerġija tat-tram fil-Marsa, struttura storika f’Xatt il-Mollijiet, wara li s-Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali approvat ix-xogħlijiet li se jitmexxew mill-Kunsill Lokali ta’ Marsa.

Dan il-bini, li kellu rwol importanti fin-netwerk tat-trasport Malti tal-bidu tas-seklu għoxrin qabel il-wasla tal-karozzi tal-linja u tal-karozzi, imma issa jinsab fi stat ta’ telqa bi strutturi ewlenin mhedda jew saħansittra neqsin. Il-bini jikkonsisti f’sala waħda miftuħa ta’ 240 metru kwadru.

Id-Direttorat tar-Restawr iddikjara li se jindirizza l-problemi strutturali tal-bini, li jinkludu ħsarat fil-ġebla, danni fl-aperturi, u deterjorazzjoni tal-ġebel ikkawżata minn korruzjoni tal-azzar. Is-saqaf, li bħalissa hu mgħotti b’folji ta’ asbestos, se jiġi rikostrut sabiex jixbaħ id-disinn oriġinali tiegħu.

Matul is-snin, porzjonijiet sinifikanti tal-binja ntilfu, fosthom is-saqaf oriġinali li kien mibni b’azzar u ġebel skont il-kostruzzjoni tipika tal-inġinerija Ingliża ta’ dak iż-żmien. Barra minn hekk, se jinbena mill-ġdid il-boiler house, li kien ġie mħassar wara li ċeda ċ-ċmieni. Faċċati u arkati oħra tal-bini se jsofru tiswijiet estensivi wkoll.

Se tingħata attenzjoni speċjali għat-tindif tal-bini minn tkabbir bijoloġiku, billi jintużaw tekniki differenti sabiex tiġi ppreservata l-ġebla delikata tal-bini. Barra minn hekk, se jkunu implimentati miżuri kontra l-infiltrazzjoni tal-ilma billi jissewwew pajpijiet u żoni fejn jinġema’ l-ilma.

Dan ir-restawr kien imħabbar għall-ewwel darba mill-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici f’Mejju, fejn wiegħed €1 miljun mill-fondi tal-gvern għall-proġett. L-għan hu li ladarba jkun lest ir-restawr, il-bini jservi bħala ċentru kulturali u kreattiv għall-komunità tal-Marsa.

L-istorja tal-Istazzjon tat-tramijiet

L-Istazzjon tal-Enerġija tat-Tramijiet fil-Marsa nbena madwar l-1905 biex jappoġġja s-servizz tat-tramijiet li kien baqa’ jaħdem sal-1929. Is-servizz kien tnieda b’ċerimonja ta’ tramijiet mżejnin li telqu mill-Marsa lejn il-Belt Valletta.

Ir-rotot kienu jgħaddu mill-Belt sa Triq Santa Anna fil-Furjana, u minn Portes des Bombes lejn Ħamrun minn Strada San Giuseppe, li mbagħad kienu jilħqu diversi bliet oħra fosthom it-Tliet Ibliet u l-Imdina, u eventwalment Birkirkara permezz ta’ estensjoni approvata fit-23 ta’ Settembru, 1904.

It-tramijiet kienu jilħqu veloċità massima ta’ 14-il mil fis-siegħa u l-istazzjon tal-enerġija kien parti minn kumpless usa’ li kien jinkludi depot tat-tramijiet għall-manutenzjoni. Fiż-żmien, is-servizz tat-tramijiet kien jaqdi bżonnijiet vitali fl-infrastruttura ta’ trasport bikrija f’Malta.

Ladarba l-bini għalaq, minħabba l-kompetizzjoni mas-servizz ġdid tal-karozzi tal-linja, l-istruttura ġiet utilizzata għal skopijiet differenti, fosthom bħala parkeġġ u bħala sezzjoni tal-iskola teknika f’Raħal Ġdid.

More in Politika