Grech jgħid Il-PBS qed jintuża biex jaħbi l-verità u biex jiċħad vuċi lil min jikkritika lill-gvern

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech jgħid li wasal iż-żmien li l-Public Broadcasting Services (PBS) isir tassew ix-xandar tal-poplu

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-PBS qed jintuża biex jaħbi l-verità u biex jiċħad il-vuċi ta' min jikkritika lill-gvern.

Grech kien qiegħed jindirizza l-ewwel Forum Nazzjonali tal-Media u Informazzjoni organizzat mill-PN, li matulha ġew diskussi għadd ta’ temi relatati mal-midja, fosthom ir-rwol tal-midja f’demokrazija, il-libertà ġurnalistika, u l-finanzjament tal-midja.

Huwa nnota li matul dawn l-aħħar snin, il-PBS instab ħati ta’ diskriminazzjoni kontra l-oppożizzjoni. 

Qal li l-verità hija għodda kruċjali għas-soċjetà biex tieħu deċiżjonijiet infurmati, u li l-pubbliku għandu jkollu aktar aċċess għall-informazzjoni. 

“Tul dawn l-aħħar snin rajna d-dritt għall-informazzjoni qed jiġi mhedded,” stqarr Grech, filwaqt i żied jgħid li l-gvern jeħtieġ li jibdel l-attitudni tiegħu fejn tidħol id-disponibbiltà tal-informazzjoni. Innota wkoll kif l-awtoritajiet reċentement ħadu d-drawwa li jġibu kull skuża possibbli sabiex iżommu l-informazzjoni milli tinħareġ. 

Din il-prattika, Grech oppona, qed issir fir-rigward ta’ mistoqsijiet parlamentari, u qed twassal biex il-ġurnalisti jkollhom imorru l-qorti biex jiksbu informazzjoni li għandha tkun disponibbli pubblikament. 

“Il-Gvern għandu jieqaf jittratta lill-ġurnalisti u lill-midja bħala l-għadu,” sostna, filwaqt li nnota li din it-tip ta’ attitudni kienet l-istess waħda li fl-aħħar mill-aħħar wasslet għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. 

Fuq din in-nota, Grech kompla jċaqlaq lill-gvern għan-nuqqas ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mill-inkjesta ta’ Daphne Caruana Galizia. 

Grech temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lill-midja, u ħeġġeġ lill-ġurnalisti biex jibqgħu jinsistu biex jiksbu l-informazzjoni, u ddeskrivihom bħala "parti essenzjali tad-demokrazija."

More in Politika