Is-settur tal-Y-plate u dak tal-ikel raw tnaqqis ta’ 587 xufier barrani minn pajjiżi terzi bejn Lulju u Ottubru tal-2024. Dan it-tnaqqis seħħ wara deċiżjoni minn JobsPlus, l-aġenzija nazzjonali tal-impjiegi, li waqqfet l-approvazzjonijiet ta’ permessi ġodda ta’ xogħol għal dawn is-setturi.
Id-deċiżjoni ttieħdet f'Lulju wara evalwazzjoni tas-suq tax-xogħol li inkludiet analiżi ta' qgħad u ta' postijiet vakanti għax-xogħol. Minn din l-evalwazzjoni ħareġ li ma kienx hemm aktar bżonn ta' ħaddiema barranin f’dawn iż-żewġ setturi.
Permezz ta’ din id-deċiżjoni, JobsPlus waqqfet l-ħruġ ta' permessi ġodda ta' xogħol kemm għal individwi diġà jinsabu Malta kif ukoll għal dawk li qed ifittxu li jidħlu fil-pajjiż biex jaħdmu f'dawn ir-rwoli. Mis-1 ta' Lulju, l-ebda ħaddiem barrani minn pajjiżi terzi ma ġie approvat biex jaħdem f'dawn is-setturi, li wassal għat-tnaqqis sinifikanti tal-ħaddiema.
JobsPlus ilha tissorvelja s-suq tax-xogħol matul dan il-perjodu u twettaq testijiet regolari biex tivvaluta d-domanda. L-aġenzija kkonfermat ukoll li se tkompli tirrifjuta applikazzjonijiet ġodda għal permessi ta' xogħol għal individwi barra minn Malta, għalkemm se tibda toħroġ numru limitat ta' permessi għal dawk li diġà jaħdmu full-time fil-pajjiż biex ikunu jistgħu jieħdu impjiegi part-time f’dawn is-setturi.