M’hemmx insib fil-ħarifa din is-sena, il-Gvern qed jara kif jiftaħ l-istaġun għall-2025

Il-gazzetta ILLUM tinsab infurmata li l-Gvern qed isib ostakli legali, li mhux se jħalluh jiftaħ l-istaġun għal din is-sena, bil-miri tiegħu jitressqu għall-2025

Eluf ta’ nassaba mhux se jkunu qed jonsbu din is-sena, fid-dawl tas-sentenza maħruġa mill-Qorti Ewropea aktar kmieni din il-ġimgħa. 

Bid-deroga ddisinjata mill-Gvern għall-insib fl-istaġun tal-ħarifa, iddikjarata illegali, il-Gvern u l-istakeholders prinċipali għaddejjin b’ħidma biex in-nassaba jirritornaw kemm jista’ jkun malajr. 

Għaldaqstant il-gazzetta ILLUM tinsab infurmata li l-Gvern qed isib ostakli legali, li mhux se jħalluh jiftaħ l-istaġun għal din is-sena, bil-miri tiegħu jitressqu għall-2025. 

Id-deroga tal-Gvern Malti, bħalissa tippermetti l-insib fuq il-premessa li dan qed iseħħ għal skop xjentifiku. L-istess deroga kienet il-protagonista ta’ kritika qawwija, inkluż tal-BirdLife, li dejjem qalu li din hi biss skuża biex l-insib jitħalla għaddej bil-barka tal-Gvern. 

Fil-fatt, is-Sibt filgħodu, BirdLife Malta, kitbu ittra miftuħa lill-Prim Ministru Robert Abela dwar l-istess deċiżjoni tal-ogħla Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Huma talbuh biex “ma jkomplix jisfida s-sewwa magħruf” u ma jmurx kontra d-deċiżjoni tal-Qorti. 

More in Politika