Glenn Micallef se jkun mistenni jorganizza djalogu dwar il-politika għaż-żgħażagħ fi żmien l-ewwel 100 ġurnata minn meta jkun approvat bħala Kummissarju Ewropew.
Dan joħroġ mill-ittra ta’ missjoni li Micallef irċieva minn Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, nhar it-Tlieta meta ħabbret il-portafolli għat-terminu l-ġdid.
Micallef, ta’ 35 sena, ġie maħtur bħala Kummissarju Ewropew għaż-żgħażagħ, il-kultura, l-isport u l-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet. Bħal kull kummissarju propost ieħor, xorta waħda jkollu jgħaddi minn eżami rigoruż quddiem il-Membri tal-Parlament Ewropew qabel ma jieħu l-kariga tiegħu.
“Il-kompitu tiegħek se jkun li tiżgura li nkomplu nappoġġjaw liż-żgħażagħ u nibnu fuq dak li għandna komuni u dak li jgħaqqadna fid-diversità, mill-wirt kulturali tagħna sal-livelli kollha tal-isport,” tgħid l-ittra ta' Von der Leyen.
Parti ċentrali mill-irwol ta’ Micallef se tkun li jagħti “libertà u responsabbiltà akbar liż-żgħażagħ” fis-soċjetajiet u d-demokraziji Ewropej.
Micallef se jkun inkarigat li jipprepara strateġija dwar il-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet li se tippjana kif il-komunikazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet tista’ tissaħħaħ. L-istrateġija trid tiżgura li l-interessi tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri jiġu rispettati fil-proċess ta’ leġiżlazzjoni u inizjattivi ta’ politika fl-UE.
“Nixtieq li timbotta ’l quddiem inizjattivi li jiżguraw li ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jużaw leħinhom biex jgħinu jfasslu l-futur tal-Ewropa, inkluż billi tikkoordina l-ħidma tal-kollegi fuq id-djalogi annwali dwar il-politika għaż-żgħażagħ, l-ewwel wieħed minnhom għandu jsir fi żmien l-ewwel 100 ġurnata,” qalet Von der Leyen lil Micallef.