Il-Kummissarju għall-Istandards ma jsib l-ebda bażi biex jirrevedi rapport kontra Miriam Dalli

Il-Ministru Miriam Dalli skużat ruħha għal stqarrija 'partiġjana' ppubblikata qabel ma laħqet ministru

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika qal li m’hemm “l-ebda bażi” għalih biex jirrevedi rapport dwar Miriam Dalli, wara li l-Partit Nazzjonalista allega li żball fl-istess rapport ippermetta lil Dalli “teħlisha ħafif.”

Il-Kummissarju, l-eks-Prim Imħallef Joseph Azzopardi, kien sab li stqarrija maħruġa mill-ministeru kienet politikament “partiġġjana” u għalhekk tikser il-kodiċi ta’ etika ministerjali. Dalli skużat ruħat, u Azzopardi kkunsidra l-kwistjoni magħluqa.

Għaldaqstant il-PN kien innota li Azzopardi kien żbalja meta qal li Dalli kienet għadha ma nħatritx ministru fiż-żmien meta tressaq l-ilment.

Dan l-iżball, qal il-PN, għandu jiġi kkoreġut u r-rapport jintbagħat biex jiġi kkunsidrat mill-Kumitat tal-Istandards.

“Dalli nħatret ministru fit-23 ta’ Novembru 2020, u r-rapport tal-Kummissarju ġie ppubblikat f’Jannar tal-2021, meta kienet marbuta bil-kodiċi ministerjali tal-etika,” il-PN sostna f’ittra lill-Kummisarju t-Tlieta li għadda.

Fi stqarrija nhar il-Ħamis, Azzopardi ċċara li l-Kummissarju preċedenti George Hyzler kien irċieva r-rapport fl-1 ta’ Novembru, 2020, u għalhekk l-istqarrija inkwistjoni ma kinitx ħarġet waqt li Dalli kien ministru.

Qal li l-każ ingħalaq kemm għax Dalli skużat ruħha dwar il-kwistjoni kif ukoll għax kkunsidra kemm kien diġà għadda żmien minn meta ġie ppreżentat ir-rapport.

“Għalhekk, m’hemmx bażi biex nirrevedi l-konklużjonijiet ta’ dan il-każ u nirreferih lill-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika,” qal Azzopardi.

"Il-Kawża K/058 tafferma l-prinċipju li dikjarazzjonijiet uffiċjali maħruġa mill-gvern m'għandhomx jinkludu kontenut ta' natura partiġġjana. Il-mod kif ġie konkluż il-każ m'għandux impatt materjali fuq dan il-fatt."

More in Politika