Ġie ffirmat ftehim bejn l-Università ta’ Malta u l-Awtorità għall-Istandards tal-Persuni Anzjani (OPSA) sabiex jissaħħaħ il-livell ta’ kollaborazzjoni fis-setturi tal-ġerontoloġija u l-ġerjatrija. Il-ftehim ġie ffirmat fil-preżenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, Prof. Alfred J. Vella, u l-Kap tad-Dipartiment tal-Ġerontoloġija u Studji ta’ Dimensja, Prof. Christian Borg Xuereb.
Dan il-ftehim għandu l-għan li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn l-OPSA u l-UM permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni, għarfien u riċerka, speċjalment fil-qasam tas-servizzi għall-anzjani. Il-ftehim jipprovdi wkoll opportunitajiet għall-impjegati tal-OPSA biex jissieħbu fil-kors Higher Diploma in Gerontology and Geriatrics, filwaqt li l-UM se taqsam pubblikazzjonijiet akkademiċi marbuta mal-qasam tal-ġerontoloġija biex tippromwovi prattiċi aħjar u tiżviluppa standards ogħla fil-kura tal-anzjani.
Il-Ministru Clifton Grima saħaq dwar l-importanza tar-riċerka li twassal għall-kisba ta’ aktar informazzjoni u għarfien dwar is-suġġett partikolari, imma wkoll tgħin lill-komunità. “L-Università ta’ Malta tinsab fuq quddiem fi proġetti ta’ riċerka f’setturi diversi. Apparti dan, permezz ta’ dan il-ftehim u wkoll oħrajn li diġà kienu ffirmati, qed naraw aktar opportunitajiet jinfetħu għal studenti u impjegati biex ikabbru l-għarfien tagħhom dwar dak li jkunu qed jistudjaw jew fis-settur li jkunu qed jaħdmu fih,” qal il-Ministru Grima.
Is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea enfasizza l-importanza ta’ kollaborazzjonijiet bħal dawn biex jissaħħaħ l-istandard tal-kura tal-anzjani f’Malta. “Dan il-ftehim mhux biss se jgħin biex intejbu l-livell ta’ servizz li noffru lill-anzjani tagħna, iżda wkoll biex nippromwovu l-eċċellenza fil-qasam tal-ġerontoloġija. L-impenn tagħna jibqa’ li nassiguraw li l-persuni anzjani jirċievu l-aħjar kura possibbli, ibbażata fuq l-aqwa prattiċi u riċerka,” qal is-Segretarju Parlamentari Agius Galea.
Ir-Rettur, Prof. Alfred J. Vella, enfasizza l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn l-entitajiet akkademiċi u l-awtoritajiet governattivi biex jittejjeb l-istandard tal-edukazzjoni u s-servizzi f’Malta, filwaqt li Prof. Christian Borg Xuereb tenna li dan il-ftehim jirrifletti l-ħtieġa urġenti għal aktar edukazzjoni u riċerka fil-qasam tal-ġerontoloġija u l-istudji ta’ dimensja, b’enfasi fuq il-benesseri tal-anzjani.