Xogħol 'speċjali' għal Jason Micallef wara li rtira n-nomina tiegħu minn Deputat Mexxej tal-PL

L-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista Jason Micallef jingħata rwol ta' 'delegat speċjali' wara li rtira n-nomina tiegħu minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista

L-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista Jason Micallef se jokkupa rwol ġdid fi ħdan il-Partit Laburista, bħala Delegat Speċjali tal-Amministrazzjoni dwar l-Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali.

Din il-ħatra tiġi ftit wara li Micallef irtira n-nomina tiegħu minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista.

AQRA WKOLL L-INTERVISTA TAL-ILLUM MA' JASON MICALLEF HAWN: ‘Jien dejjem iddefendejt bil-kbir lil kull mexxej li kellu l-PL u hekk għandu jkun’

Fi stqarrija ta’ ftit kliem, il-Partit Laburista qal li l-amministrazzjoni Laburista laħaq qbil dwar dan fl-aħħar laqgħa tiegħu.

F’din il-pożizzjoni, li tidher li nħolqot għalih, Micallef se jkun mitlub jirrapporta direttament lill-amministrazzjoni ċentrali tal-partit.

Il-Gvern ta’ Robert Abela diġà għandu Ministru responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programm elettorali tal-PL, rwol li ngħata lil Stefan Zrinzo Azzopardi fl-aħħar reshuffle, f’Jannar li għadda.

Minkejja dan, il-Partit Laburista ma ċċarax jekk Micallef u Zrinzo Azzopardi hux se jkunu qed jaħdmu flimkien.

Fl-istqarrija l-partit fakkar fil-laqgħa straordinarja għada l-Ġimgħa, li fiha se tiġi diskussa mozzjoni li tippermeti parlamentarji, kemm Maltin u Ewropej, jikkontestaw għall-kariga ta’ Deputat Mexxej.

AQRA WKOLL: http://Il-PL jaqbel fuq mozzjoni li tippermetti MPs jikkontestaw l-kariga ta’ Deputat Mexxej

Jekk id-delegati tal-partit japprovaw il-mozzjoni, din timmarka t-tielet bidla fl-istatut dwar in-nomini ta’ deputat mexxej għall-affarijiet tal-partit. 

Fi Frar 2016, il-Partit Laburista biddel l-istatut tiegħu li qabel kien jipprojbixxi lill-Membri Parlamentari mill-irwol, u fetaħ it-triq għall-eks ministru Konrad Mizzi biex isir deputat mexxej.

Kien hemm bidla oħra fl-2020, is-sena li Robert Abela ħa t-tmexxija bħala Kap tal-partit u Prim Ministru, li rat il-parti tipprojbixxi mill-ġdid lill-Membri Parlamentari milli jikkontestaw id-deputat tmexxija.

AQRA WKOLL: Abela jappella lid-delegati Laburisti biex ma ‘jreġġgħux l-arloġġ lura’

More in Politika