Il-PL jaqbel fuq mozzjoni li tippermetti MPs jikkontestaw l-kariga ta’ Deputat Mexxej

Il-mozzjoni se tkun diskussa f’konferenza ġenerali straordinarja nhar il-Ġimgħa 9 t’Awwissu fis-6pm fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista

(Mill-Arkivji)
(Mill-Arkivji)

L-eżekuttiv fi ħdan il-Partit Laburista qabel li titressaq mozzjoni għall-emendi fl-istatut tal-Partit bil-possibbiltà li l-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit tkun tista’ tiġi kkontestata minn Membri Parlamentari.

Il-mozzjoni se tkun diskussa f’konferenza ġenerali straordinarja nhar il-Ġimgħa 9 t’Awwissu fis-6pm fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.

L-elezzjonijiet għall-karigi ta’ Deputati Mexxejja u ħatriet oħra fl-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista se jsiru bejn it-13 u l-15 ta’ Settembru, bin-nominazzjonijiet għall-karigi kollha jinfetħu nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Awwissu u jibqgħu miftuħin sal-25 ta’ Awwissu.

Din id-deċiżjoni ttieħdet jum wara li Jason Micallef irtira n-nomina tiegħu għall-kariga, filwaqt li l-MEP Alex Agius Saliba ta x’jifhem li jista’ jikkontesta r-rwol minflok.

AQRA WKOLL: Abela jappella lid-delegati Laburisti biex ma ‘jreġġgħux l-arloġġ lura’

Jekk id-delegati tal-partit japprovaw il-mozzjoni, din timmarka t-tielet bidla fl-istatut dwar in-nomini ta’ deputat mexxej għall-affarijiet tal-partit. 

Fi Frar 2016, il-Partit Laburista biddel l-istatut tiegħu li qabel kien jipprojbixxi lill-Membri Parlamentari mill-irwol, u fetaħ it-triq għall-eks ministru Konrad Mizzi biex isir deputat mexxej.

Kien hemm bidla oħra fl-2020, is-sena li Robert Abela ħa t-tmexxija bħala Kap tal-partit u Prim Ministru, li rat il-parti tipprojbixxi mill-ġdid lill-Membri Parlamentari milli jikkontestaw id-deputat tmexxija.

More in Politika